Id-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabbiltà, taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni, nieda il-prospett għall-korsijiet tat-Tagħlim tul il-Ħajja li huma mfassla biex itejbu il-ħiliet tal-individwu u fl-istess waqt iwittu t-triq għal opportunitajiet ġodda b’potenzjali aqwa u aħjar.
Matul is-sena li għaddiet ‘il fuq minn 7000 student gawdew minn aktar minn 400 kors li joffri d-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja.
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella spjegalna aktar dwar il-firxa ta’ korsijiet li qed jiġu offruti u fl-istess waqt ħeġġeġ lil kull min jixtieq jimraħ fil-ħiliet tiegħu, biex jaħtaf din l-opportunità u japplika għal xi wieħed mill-korsijiet li huma miftuħa għall kull min għandu ‘l fuq minn 15-il sena.
“Tajjeb li nsemmu metidoloġiji ġodda biex b’hekk inkunu qed nolqtu il-persuni bl-aktar mod effiċjenti biex inkunu qed nilħqu il-potenzjal tagħhom. Tajjeb li nsemmu fejn jidħlu il-Malti u l-Ingliż se nkunu noffru korsijiet aktar flessibli biex b’hekk dawk il-persuni li jaħdmu bix-xift se nkunu qed nolqtuhom u anke nindirizzawhom. Dan qed nagħmluh għax irċivejna feedback mill-industrija differenti u b’hekk se nkunu qed niffaċilitaw il-bżonnijiet ta’ employers differenti u b’hekk inkunu nistgħu nilħquhom. B’hekk il-persuni se jkomplu jikbru u javvanzaw fl-impjieg tagħhom.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima sostna li bħala pajjiż, jemmen kif l-edukazzjoni ma hijiex biss sal-età obbligatorja imma lil hinn.
Irrimarka wkoll li jrid ikompli jsir aktar investiment kontinwu fit-titjib tal-ħiliet tan-nies, li mbagħad jissarrfu f’aktar opportunitajiet.
“Hija l-viżjoni tagħna li tagħti dan iċ-ċans lil pubbliku inġenerali permezz ta’ dawn it-tipi ta’ korsijiet differenti li huma offruti lil kulħadd. Taħriġ li mhux marbut mal-bankijiet tal-iskola iżda tmur lil hinn minn dik li hija edukazzjoni obbligatorja. Dan hu rifless ukoll fl-istrateġija nazzjonali li diġà rajna 40 fil-mija, tagħha li qed tiġi implimentata b’mod immedjat. Dan ifisser li l-viżjoni tagħna qed tkun implimentata u qed tħalli l-frott permezz tal-ġid fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha.”
Għal aktar informazzjoni dwar il-korsijiet offruti, wieħed jista ma jitlifx din l-opportunita, u jagħmel appuntament mat-tim fi ħdan id-Direttorat permezz tal-indirizz elettroniku servizz@gov.mt, billi jidħol fuq is-sit www.lifelonglearning.gov.mt jew iċempel fuq il-freephone 153.