Għada se jiftħu l-applikazzjonijiet għall-korsijiet tat-Tagħlim tul il-Ħajja għal aktar minn 400 kors f’diversi suġġetti differenti, li jvarjaw minn tagħlim ta’ lingwi sa tagħlim ta’ suġġetti prattiċi.
Il-viżjoni tad-Direttorat tat-Tagħlim tul il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa li jipprovdi sistema ta’ tagħlim personalizzat u li joffri appoġġ lil kulħadd.
“Wieħed mill-iktar eżerċizzji profondi li qiegħed isir bħalissa huwa l-konsultazzjoni mill-qiegħ tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030. Strateġija li tkopri l-etajiet kollha anki ta’ studenti maturi ta’ kull età li jridu jibqgħu jtejbu l-qagħda tal-ħiliet tagħhom, f’dinja li qed tiżviluppa b’mod mgħaġġel u qed titlob ħiliet ġodda. L-Istrateġija hija waħda ħolistika li tiġbor kull settur edukattiv li għandna, fosthom dik li tħares lejn it-Tagħlim Tul il-Ħajja”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima waqt it-tnedija tal-prospett.
Il-Ministru Grima spjega li fejn jidħol it-Tagħlim Tul il-Ħajja, hemm tliet pilastri li qed jingħataw importanza: li jkunu mtejjba l-opportunitajiet edukattivi għal dawk li jeħtieġu li jtejjbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom; li jkunu diversifikati kemm il-metodi kif ukoll l-opportunitajiet għat-tagħlim; u l-kwalità.
Il-korsijiet jingħataw minn edukaturi u koordinaturi speċjalizzati li jgħinu lil dawk li jattendu u jibqgħu jsegwu sakemm l-istudent jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Matul it-tnedija kien enfasizzat li t-tagħlim huwa l-muftieħ għall-iżvilupp personali, għall-inklużjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-iżvilupp sostenibbli u għalhekk it-Tagħlim tul il-Ħajja joffri l-opportunità lill-istudenti adulti biex ikabbru l-għarfien tagħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda, itejbu l-prospettivi għall-karrieri li huma disponibbli għalihom u jwessgħu l-għarfien professjonali tagħhom.
Il-Ministru Grima qal li l-kwalità hija ċentrali fil-ħidma li qed issir f’settur tant importanti u f’settur li huwa l-pedament ta’ dak kollu li hija l-ħajja tagħna. “Huwa għalhekk li qegħdin kontinwament intejbu l-kwalità tat-tagħlim għall-adulti. Qegħdin naħdmu biex ikollna koordinazzjoni aħjar fis-settur biex inżidu l-parteċipazzjoni ta’ tagħlim għall-adulti f’kull tip ta’ edukazzjoni: formali u informali. Dan għandu jwassal għall-kisba ta’ ħiliet marbuta ma’ xogħlijiet, għal ċittadinanza attiva jew għal żvilupp u sodisfazzjon personali”, temm jgħid il-Ministru Grima.
L-applikazzjonijiet jiftħu fit-12 ta’ Lulju sal-10 ta’ Awwissu u wieħed jista’ japplika billi jmur fuq is-sit elettroniku www.lifelonglearning.gov.mt.