L-Istitut tal-Edukazzjoni, li jħarreġ lill-għalliema, nieda prospectus ġdid b’erbgħa u erbgħin kors differenti.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, żdiedu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ biex b’hekk dan il-prospectus se jkun qed joffri sebgħa korsijiet ta’ kwalifika ġodda.
Il-prospectus qed joffri wkoll tliet unuri mill-Universita ta’ Ħelsinki, fil-Finlandja. Dan apparti kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. li qed twassal biex jingħata taħriġ fil-livell ta’ Master Degrees fi STEM Educations and Engagement.
Fil-konferenza ta’ illum tnediet ukoll joint top-up Degree għall-Kindergarten Educators, li tfasslet bejn l-Istitut għall- Edukazzjoni u l-MCAST, biex issa għandhom l-opportunità li jsiru KGE 3 u b’hekk ingħataw il-possibilità li jtejjbu l-karriera tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut, Joanne Grima, qalet li bħalissa l-Istitut għandu tliet mija u erbgħa u ħamsin persuna li jinsabu fit-triq biex jiggradwaw; numru sabiħ u li għandu jinkoraġġixxi lil aktar edukaturi biex jieħdu l-opportunità li jkattru t-taħriġ tagħhom.
Qal, “Apparti dan kollu, hemm lista sħiħa ta’ korsijiet għall-għalliema li huma diġà gradwati imma li jixtiequ jkomplu bit-taħriġ biex itejbu l-ħiliet tagħhom.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, spjega li l-missjoni ta’ dan l-Istitut huwa li jara li dejjem itejjeb dak li joffri u b’hekk ikomplu jgawdu dawk kollha li jidħlu fit-tagħlim tal-edukazzjoni.
Qal, “Xogħol dan l-istitut huwa proprju li jkompli joffri taħriġ ta’ kwalità lill-edukaturi kollha li jridu jżidu mal-kwalifiki li diġà għandhom. Din hija xi ħaġa importanti li wieħed jinnota li aħna, bħala pajjiż, qed noffru opportunitajiet lill-edukaturi tagħna biex ikomplu jirċievu aktar taħriġ li permezz tiegħu se jkollhom l-għodda meħtieġa biex jagħmlu differenza fil-ħajja tal-istudenti tagħna.”