Tnieda uffiċjalment l-programm tal-Karnival ta’ Malta għal din is-sena, bl-avvenimenti ewlenin se jsiru fil-Belt Valletta u l-Furjana bejn it-28 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu, filwaqt li, bħal kull sena, ukoll se jkun hemm il-parata tradizzjonali tal-baned fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun il-Ħadd li ġej.
Ta’ kull sena, il-Karnival ta’ Malta jiġbed eluf ta’ nies, kemm minn pajjiżna kif ukoll minn barra, li jżuru gżiritna apposta għal dan l-ispettaklu tradizzjonali fil-kalendarju kulturali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tenna li l-Karnival qed ikompli jikber sena wara oħra, bis-saħħa tal-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawk li jaħdmu fuqu biex jagħmluh suċċess.
Il-Ministru fakkar ukoll li, din is-sena b’mod speċjali, 42 kunsill lokali madwar Malta u Għawdex se jtellgħu attivitajiet varji għall-Karnival, wara li kisbu fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
L-attivitajiet jinkludu sfilati, wirjiet u festi marbutin mal-ikel tradizzjonali tal-Karnival, fost oħrajn.
Din is-sena l-programm uffiċjali se jinkludi 18-il kumpanija taż-żfin kompetittivi, 14-il karru trijonfali, tliet karrijiet tal-kumpaniji, ir-“Re”, ħames installazzjonijiet u maskeruni.
Il-programm ta’ din is-sena hu mżewwaq ukoll kemm b’attivitajiet tradizzjonali, bħall-Qarċilla, li din is-sena se sseħħ fi Triq l-Ordinanza fil-Belt b’reċta bil-pinna ta’ Michael Spagnol, bid-direzzjoni u produzzjoni ta’ Joseph Galea.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, stqarr kif qed jaraw livell kbir f’kollox kemm fil-karrijiet, iż-żfin u l-kostumi li jpaxxu lil kull min jattendi għall-Karnival Malti.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra u Frans Agius rispettivament.
Il-programm sħiħ tal-programm nazzjonali tal-Karnival ta’ Malta jinsab fuq is-sit uffiċjali festivals.mt/karnival. GRAFIKA