Illum tnieda l-programm tal-Europride 2023, avveniment internazzjonali li se jkompli jiċċelebra d-diversità u l-ugwaljanza.
Il-Europride, li se ssir bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru 2023, bit-tema “Equality from the Heart”, għandha l-għan li tattira eluf ta’ nies minn madwar id-dinja lejn Malta biex jiċċelebraw il-komunità LGBTIQ+, filwaqt li tippromwovi l-messaġġ b’saħħtu ta’ ugwaljanza.
Waqt attività fil-Belt Valletta, Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li Europride Valletta jirrapreżenta mument storiku u bla preċedenti għal pajjiżna mhux biss għax hija l-ewwel darba li Malta se tospita dan l-avveniment internazzjonali, iżda wkoll għaliex se jkun l-iżgħar pajjiż fl-UE bl-aqwa drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ li jilqa’ din il-manifestazzjoni globali.
Indirizza wkoll l-attività l-President tal-għaqda ARC (Allied Rainbow Communities) Clayton Mercieca li qal “rajt lil Malta tipprogressa ‘l quddiem fil-libertajiet ċivili u fid-drittijiet tal-ugwaljanza. Liġijiet li għamlu differenza f’ħajti fejn stajt niżżewweġ lill-partner tiegħi u jkolli familja, f’ħajjet persuni trans fejn finalment bdew jiġu rikonoxxuti legalment b’inqas xkiel, fejn issa nista’ nagħti d-demm u ma niġix iddiskriminat. L-Europride f’Malta se jservi biex nkomplu nżidu diversità f’pajjiżna.”
Id-Direttur Artistiku Toni Attard elenka attivitajiet ewlenin li se jkunu qed jiġu organizzati matul dan il-perjodu fosthom wirja tal-arti, żfin u sfilati tal-moda.
Id-dettalji tal-programm uffiċjali jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit europride2023.mt.
Ritratt ewlieni: Adam Eschbach/The Idaho Press-Tribune/AP