Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, niedew il-programm ta’ attivitajiet għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor għal din is-sena. Għat-tielet sena konsekuttiva din qed tiġi organizzata fuq jumejn sħaħ.
Kollox se jibda fit-22 ta’ April mis-6.00 ta’ filgħaxija bi spettaklu mill-Isbandieratori di Faenza fi Pjazza San Girgor u, eżattament wara, fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina ssir preżentazzjoni tal-proġett ta’ restawr minn Wirt iż-Żejtun.
L-attivitajiet jiġu fi tmiemhom fl-ewwel jum b’kunċert ta’ mużika sagra mill-Omnia String Quartet.
L-għada, il-ġurnata tibda b’mixja mill-Imdina saż-Żejtun, waqt li, fiż-Żejtun stess, biswit il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina, jibda spettaklu ieħor mill-Isbandieratori di Faenza, li jerġgħu jagħmlu l-istess, fid-9.30 u fil-11:00 ta’ filgħodu ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor.
Se jiġu armati wkoll bosta bankarelli bl-esebiti relatati ma’ wirt intanġibbli, bħal platti tal-melħ, l-għażżiela u anke l-bizzilla.
Se jkun hemm ukoll tours apposta għat-tfal mill-gwida professjonali Jeremy Grech biex jitgħallmu dwar l-istorja ta’ pajjiżna u ta’ din il-festa antika, waqt li jingħataw rigal għall-parteċipazzjoni tagħhom u ssir kompetizzjoni bi premju relatat mal-okkażjoni.
Għall-ewwel darba, se ssir ukoll infjorata fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Girgor fejn il-pubbliku nnifsu jista’ jipparteċipa.
Dan se jkun ikkumplimentat ukoll b’attivitajiet fil-ġonna tal-madwar, fosthom fi Ġnien il-Kmand u fi Ġnien l-Għannejja, fejn il-pubbliku jista’ jammira l-falkunerija.
Mingħajr dubju, ma jistax jonqos li f’din il-festa wieħed jisma’ l-għana Maltija, b’attivitajiet qrib il-Pjazza San Girgor, flimkien ma’ preżentazzjoni ta’ ikel tradizzjonali Malti, bħall-ftira.
Il-Ministru Owen Bonnici qal kif, għal darb’oħra, il-Gvern qed juri l-impenn tiegħu lejn it-tisħiħ tal-identità kulturali tagħna u dan anke b’ħidma flimkien mal-kunsilli rispettivi.

“It-tradizzjonijiet Maltin irridu nibżgħu għalihom, imma rridu nibżgħu għalihom b’mod li jkun jagħmel sens fid-dinja tal-lum, jiġifieri mhux sempliċiment nimmarkaw tradizzjoni qisna qed nagħmlu eżami tal-iskola, qisna qed nistudjaw għall-eżami, imma trid tkun xi ħaġa ħajja, trid tkun xi ħaġa li l-poplu iħossha, jifhimha, jgħixha u jesperjenzaha u naħseb li l-ħidma li qed issir biex tradizzjonijiet, bħall-festa ta’ San Girgor, timxi ’l quddiem”.
Il-Ministru OwenBonnici
ONE News ħa wkoll il-kumment tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-kunsilli.
“Il-festa ta’ San Girgor tul is-snin rajniha ssir popolari mhux biss maż-Żejtun, Marsaxlokk u l-postijiet tal-madwar, imma mal-Maltin u l-Għawdxin kollha u sehemna l-kunsilli lokali f’dawn il-festi kulturali se jibqa’ jsostni lill-kunsilli biex jibqgħu jorganizzaw attivitajiet kulturali, biex jibqgħu jfakkruna l-ġrajjiet kulturali l-lokalitajiet tagħna jħaddnu.”
Alison Zerafa Civelli, Segretarju Parlamentari

Għall-konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbru dawn id-dettalji, attendew is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius u Clifford Galea, Assistent Direttur fid-Direttorat tal-Kultura.
Aktar dettalji jinsabu fuq il-messaġġi soċjali tad-Direttorat tal-Kultura.