Il-Kunsill Malti għall-Arti u Agenzija Żgħażagħ flimkien mal-89.7 Bay niedew programm ġdid bl-isem Artivisti sabiex jgħin fl-iżvillup tal-artisti żgħar. Dan il-programm se jidentifika l-aħjar talent żgħażugħ fis-settur tal-arti filwaqt li se joffri t-taħriġ neċċessarju, direzzjoni u networking sabiex iż-żgħażagħ jiżvilluppaw il-potenzjal kreattiv tagħhom.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li “dan il-programm jibni fuq il-kisbiet tas-snin li għaddew u se jservi sabiex ikattar l-aqwa talent u b’hekk inkomplu nilħqu l-ogħla kwalitá fis-settur.” Il-Ministru Bonnici spjega kif il-missjoni tal-Gvern hi li nħeġġu liż-żgħażagħ ikomplu l-karriera tagħhom fis-settur kulturali, ikattru t-talenti tagħhom filwaqt li ntejjbu l-prodott kulturali u artistiku finali.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Organizzazjonijiet Volontarji Clifton Grima laqa’ din il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u l-89.7 Bay Radio. “Artivisti se jkompli jipprovdi spazju għaż-żgħażagħ fejn iħabbtu l-ideat u jikkomunikaw ma’ artisti żgħażagħ oħra sabiex iwasslu l-espressjoni artistika lill-pubbliku. Sena wara l-oħra dawn l-Artivisti se joħolqu legat ta’ xogħol kreattiv mill-ġenerazzjoni żgħażugħa.” Is-Segretarju Parlamentari Grima qal li permezz tat-tisħiħ fit-talent artistiku, din l-inizjattiva se ssaħħaħ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jiżvillupaw it-talenti tagħhom.
“Il-Programm huwa parti mill-inizjattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti immirat biex artisti żgħar ikollhom opportunitá sabiex ikabbru l-potenzjal tagħhom u jkunu l-ispirazzjoni fis-settur kreattiv,” qal Albert Marshall, ic-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Filfatt, l-artisti magħżula se jibbenefikaw minn diversi opportunitajiet għal perjodu ta’ sena. Dawn jinkludu għotja ta’ 2000 ewro sabiex tintuża għall-iżvillup kreattiv u personali tagħhom, servizzi ta’ mentor professjonali li jagħtihom appoġġ fil-karriera artistika tagħhom, parteċipazzjoni f’artist-in-residency u opportunitajiet ta’ networking ma’ parteċipanti oħrajn fil-programm. Il-parteċipanti jsiru membri tal-kommunita Artivisti u jservu ta’ għajnuna lill-artisti ġodda f’edizjonijiet futuri ta’ dan il-programm. 89.7 Bay se jkun qieghed jippromwovi lill-artisti magħżula filwaqt li jżomm is-semmiegħa aġġornati bix-xogħol li jkunu qed jagħmlu.
Miriam Teuma, id-Direttur Eżekuttiv t’ Agenzija Żgħażagħ ħeġġet aktar artisti bejn 16 u 25 li għandhom talent, iħaddnu passjoni lejn l-arti u impenn sabiex jissottomettu nominazzjoni. “Aħna nilqgħu in-nominazzjonijiet tal-Artivisti prospettivi b’entużjażmu: dawn iż-żgħażagħ se jkunu l-wiċċ tal-inizjattiva, il-ħajja u l-qalb tal-programm Artivisti”.
Il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u Aġenzija Żgħażagħ tgħaqqad flimkien l-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Istrateġija Create2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti. Dan ikompli jibni fuq programmi oħra ta’ Aġenzija Żgħażagħ bħal Taħżiż, Divergent Thinkers u taħriġ mużikali lill-bandisti żgħar, kollha bil-għan li jagħtu aktar opportunitajiet fis-settur artistiku. Aktar informazzjoni dwar il-programm Artivisti tista’ tinstab fuq is-sit www.artscouncilmalta.com jew www.agenzijazghazagh.gov.mt. In-nominazzjonijiet jistgħu jintbgħatu sat-28 ta’ Settembru 2017.