Fil-ġimgħat li ġejjin, ser tkun qed toħroġ sejħa għal-offerti biex b’hekk ikun jista’ jsir ix-xogħol ta’ restawr meħtieġ fuq torri f’Marsaxlokk magħruf bħala t-Torri ta’ Vendome.
Dan wara li d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni lesta d-dokumentazzjoni u kiseb il-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir ix-xogħol meħtieġ.
Dan it-torri huwa wieħed minn erba’ ridotti ta’ dan it-tip li kienu nbnew bejn l-1715 u l-1716 mill-Prijur ta’ Franza, Philippe de Vendome, li kien insista li hemm bżonn ta’ iżjed difiża mal-kosta tal-gżejjer Maltin.
Ir-ridott ta’ Vendome huwa l-unika eżempju tat-tip tiegħu li għadu sħiħ sal-ġurnata tal-llum u għalhekk huwa importanti li jkompli jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, elenka kif dan il-proġett se jkun qed jorbot lill-lokalità ta’ Marsaxlokk aktar mat-tradizzjonijiet tagħhom u li ’l quddiem, dan it-torri se jkun qed jgħaddi għand il-Kunsill Lokali Xlukkajr.
“It-Torri ta’ Vendom huwa uniku fix-xorta tiegħu, għandu valur patrimonjali kbir, u ħadna deċiżjoni li jiġi restawrat. L-idea hija li sal-aħħar tas-sena d-dieħla, dan it-torri jiġi restawrat imbagħad, mat-tmiem ta’ dak il-proġett, jgħaddi immedjatament għand il-Kunsill Lokali.”
Is-Sindku ta’ Marsaxlokk, Stephen Grech, spjega kif meta dan il-proġett jitlesta u jgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali, dan se jkun qed jiġi mħejji f’mużew tradizzjonali.
“L-idea hi li ssir storja tar-raħal ta’ Marsaxlokk – fuq is-sajjieda u fuq l-affarijiet li hawn ta’ madwaru – u jiġi bħala mużew u dak li jkun jiġi hawn ġew u jkollu l-istorja ta’ Marsaxlokk.”