Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet, fejn ħabbar li bħala parti mill-attivitajiet li se jsiru fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Frar, se jittella’ l-musical ‘Grazzi Dun Ġorġ’.
Il-Ministru għal Għawdex qal li l-Ministeru permezz tad-Direttorat għall-Kultura qed jgħin finanzjarjament sabiex il-produzzjoni ta’ din il-musical imtella’ mill-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu setgħet tkun tal-ogħla livell.
Dan il-musical, li se jittella’ bejn it-8 u d-9 ta’ Frar, ġewwa t-teatru tal-Oratorju Don Bosco, jitratta l-ħajja missjunarja tal-fundatur tagħha Dun Ġorġ Grima, qassis Għawdxi, kif ukoll il-ġid missjunarju li għadu qed jitkompla permezz tal-imsemmi moviment.
Il-Ministru Camilleri ddeskriva dan il-moviment missjunarju, li l-uffiċċju ġenerali tiegħu huwa ibbażat f’Għawdex, bħala wieħed ta’ skala internazzjonali.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm id-diskors tiegħu billi faħħar lil dawk kollha involuti sabiex dan il-musical jista’ jittella’ b’suċċess, u stqarr li hu kommess li jibqa’ jgħin sabiex attivitajiet bħal dawn ikomplu jitellgħu fil-gżira Għawdxija.