Nature Trust – FEE Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, stiednu l-iskejjel kollha fil-gżira Għawdxija biex jipparteċipaw fi proġett li jintegra l-litteriżmu mal-promozzjoni ta’ ħajja aktar sostenibbli.
Dan il-proġett, bl-isem ta’ Għidli Storja, kien intiż biex l-istudenti li pparteċipaw ikomplu jiżviluppaw u jsaħħu l-ħiliet fit-taħdit, is-smigħ, il-kitba u l-qari tal-Malti. Dan kollu seħħ f’ambitu fejn l-istudenti ngħataw l-opportunità biex ikunu kreattivi u fl-istess waqt ikabbru l-ħiliet tagħhom li jirriċerkaw u jiksbu informazzjoni minn sorsi differenti. L-aħjar tlettax-il storja ġew ippubblikati f’forma ta’ ktieb bl-isem Għidli Storja.
Waqt preżentazzjoni, li saret ġewwa s-sala ewlenija tal-Ministeru għal Għawdex, numru sabiħ ta’ studenti ta’ etajiet varji ngħataw ċertifikat u premju tas-sehem tagħhom biex dan il-proġett ikun suċċess.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana faħħret din l-inizjattiva li rat l-istudenti u l-anzjani jintegraw u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien. ‘Dan kien eżerċizzju fejn tradizzjonijiet, snajja, logħob u stejjer tal-passat ġew mgħoddija lill-ġenerazzjoni moderna u eventwalment ġew stampati fuq ktieb apposta ppreparat mit-tfal għat-tfal’, qalet il-Ministru Caruana. ‘Il-Ministeru għal Għawdex hu kommess li jkompli jsostni dawn it-tip ta’ inizjattivi interessanti għax hu r-rwol tagħna li naraw li l-istil ta’ ħajja li għexu l-ġenerazjonijiet ta’ qabilna ma’ tintilifx qalb il-mixja mgħaġġla tal-avvanz teknoloġiku li qed ngħixu illum’, kompliet Justyne Caruana.
Il-ktieb Għidli Storja hu stampat fuq karta riċiklata, b’disinni preparati mill-istudenti u b’tipa adattata għat-tfal u d-dyslexia.
Ritratt: MGOZ