Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-30 anniversarju tal-Malta Jazz Festivals, f’Misraħ il-Ħelsien u fit-taraġ biswit il-Parlament se jittella’ spettakli ta’ Jazz live bl-isem ta’ ‘The City Jazz Series’.
Dan il-kunċert mużikali, li se jibda min-nhar it-Tnejn 13 ta’ Lulju, se jkun ukoll parti mill-proġett għar-Riġenerazzjoni tal-Belt Valletta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Herrera saħaq li l-Malta Jazz Festival huwa wieħed mill-festivals ewlenin li daħal fil-kalendarju tal-attivitajiet kulturali Maltin.
“Huwa l-għan tagħna bħala Ministeru kif ukoll ta’ Festivals Malta li nkomplu nixprunaw is-settur kulturali ’l quddiem, dan filwaqt li nkomplu noffru produzzjonijiet ta’ kwalita’ lill-poplu Malti u Għawdxi kif ukoll lit-tursti li qiegħdin iżuru pajjiżna.” Tenna l-Ministru José Herrera.
Min-naħa l-oħra d-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li “Għas-sena 2020 il-Malta Jazz Festival ser ikun qiegħed jiġi ppreżentat f’alternattiva fejn ħloqna sinerġija bejn l-elementi virtwali kif ukoll live. Sfortunatement, il-Covid-19 ħalliet effetti kbar fuq is-settur kulturali u permezz tal-Malta Jazz Festival – City Jazz Series, ser nagħtu kontribut lejn ir-riġenerazzjoni tal-Belt.”
Fost l-attivitajiet f’dan il-festival insibu esebizzjoni ta’ ritratti, sessjonijiet diġitali u oħrajn live, xandir ta’ filmati rari mill-edizzjonijiet passati tal-Malta Jazz Festival u wirja ta’ filmati li jmorru lura sal-bidu tad-disgħinijiet, bi spettakli minn leġġendi li żaru l-ġżiritna.
Peress li r-restrizzjonijiet fuq l-ajruporti ġew irrilaxxati, il-Malta Jazz Festival ser jilqa’ wkoll xi artisti internazzjonali li ser jagħmlu parti mis-‘City Jazz Series’, li tikkonsisti minn kunċerti ta’ nofsinhar u oħrajn serali li ser jittellaw f’Misraħ il-Ħelsien