Ġie mniedi l-ewwel poker tournament li se jkun b’risq l-Istrina. Waqt li kien qed jindirizza t-tnedija tat-tournament tal-poker b’risq l-Istrina, is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li permezz ta’ din l-inizjattiva qed jintbagħat messaġġ importanti, dak ta’ corporate social responsibility.
Is-Segretarju Parlamentari ddeskriva l-avveniment bħala wieħed fejn kulħadd huwa rebbieħ, kemm il-parteċipanti kif ukoll is-soċjetà għaliex il-flus miġbura se jmorru b’risq l-Istrina u allura l-Malta Community Chest Fund Foundation. Huwa inkoraġixxa negozji oħra sabiex jagħmlu l-parti tagħhom u jgħinu lill-Istrina, u rringrazzja wkoll lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għax-xogħol imprezzabbli li qed tagħmel b’risq dawk fil-bżonn fis-soċjetà tagħna.
77 Great Estates u l-Malta Community Chest Fund Foundation ingħaqdu flimkien biex jorganizzaw avveniment li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, tournament tal-poker fl-24 ta’ Novembru li ġej ġewwa l-Casino Dragonara.
Carl Peralta, Managing Director ta’ 77 Great Estates, stqarr li kienet ilha x-xewqa tal-kumpanija li torganizza attività oriġinali għall-karità u diġà hemm konkorenza tajba.
Franco Degabriele, Business Development Director fid-Dragonara Casino qal li l-preparamenti għall-attività ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar 6 xhur. Hu żied li din mhix l-unika attività li l-Casino Dragonara organizza għall-karità.
Carmel Briffa, membru mis-Supervisory Council tal-MCCF, irringrazzja lil kull min hu involut biex tittella’ l-attività li se ssostni l-ħidma tal-MCCFF ma’ dawk fil-bżonn.
Il-parteċipanti jistgħu jieħdu sehem fit-tournament permezz ta’ donazzjoni ta’ €200, fejn 90% tal-flus miġbura se jmorru għall-Malta Community Chest Fund Foundation filwaqt li l-kumplament se jitqassmu bħala premju lil dawk li jiġu mal-ewwel għaxra.
Ir-rebbieħ ta’ dan it-tournament se jkollu ċ-ċans jieħu sehem fil-Kampjonat tal-Pokerstars fi Praga li se jsir bejn is-7 u t-18 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, kollox imħallas. Il-postijiet huma limitati għal 180 parteċipant u l-bookings se jittieħdu abbażi ta’ first come first served basis. Wieħed jista’ jikkuntattja lil Michelle Schembri jew lil Dominque van Burik minn 77 Great Estates 213 Tower Road Sliema fuq 2721 7777 jew 9951 7777 jew fuq l-email RL@77GreatEstates.com