Aġenzija Sapport, aġenzija nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li taħdem fil-qasam ta’ persuni b’diżabilità, nediet l-ewwel Kumitat Konsultattiv tagħha.
Permezz ta’ dan il-kumitat, persuni b’diżabilità li jużaw servizz wieħed jew aktar ipprovduti mill-Aġenzija Sapport se jkunu qegħdin jingħataw l-opportunità jagħmlu suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet dwar is-servizzi offruti mill-Aġenzija.
Din it-tnedija saret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli waqt li rreferiet li din l-inizjattiva għandha l-għan li toffri spazju fejn l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif dan huwa eżerċizzju biex l-imsieħba tagħhom jipparteċipaw biex jitjiebu s-servizzi: “Dan huwa bord konsultattiv li għal-ewwel darba ser ikun qed jieħu l-feedback dirett, il-kummenti diretti tal-persuni b’diżabilità li għamlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija Sapport u jagħtuna l-opinjonijiet u l-pariri tagħhom fuq dak li qed idejjaqhom, dak li jixtiequ jaraw imur aħjar. ”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, iddeskriviet din l-inizjattiva bħala pass ieħor importanti lejn l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardjaw lilhom: “Is-servizzi tagħna, aħna dejjem irriduhom jitjiebu u għalhekk ninkludu l-persuni b’diżabilità biex jagħtuna dak li huma jkunu qegħdin jesperjenzaw.”
Id-Direttur ta’ Aġenzija Sapport inkarigata minn dan il-Kumitat Konsultattiv, Melanie Magri qalet li l-persuni fil-bżonn huma dawk li jistgħu jgħinu f’din il-mixja biex jesperjenzaw servizzi aħjar: “Huma huma li jesperjenzaw is-servizzi li noħolqu u nipprovdu aħna bħala aġenzija u għalhekk għal-ewwel darba dan il-kunsill ser ikun hemmhekk biex nagħmlu l-ġid u nipprovdu servizz għal min vera għandu bżonn.”