Nhar il-Ħamis, 14 ta’ Lulju, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ Faraxa Publishing nieda l-ktieb Għoljet il-Qasab li ġie tradott miċ-Ċiniż għall-Malti minn Stephen Cachia. Din hija t-tielet letteratura Ċiniża tradotta għall-Malti u wkoll l-ewwel letteratura Ċiniża għat-tfal tradotta fil-lingwa Maltija.
Miktub mill-awtriċi Yin Jian Ling fl-2016, Għoljet il-Qasab huwa ktieb popolari ħafna fiċ-Ċina. Yin hija kittieba famuża tal-letteratura tat-tfal u membru tal-Kumitat Nazzjonali tal-Assoċjazzjoni tal-Kittieba taċ-Ċina. Hija rebħet bosta premjijiet għall-kotba tagħha, inkluż il-Premju prestiġjuż Chen Bochui International Children’s Literature Award.
“Inħossni kuntenta li n-novella tiegħi ġiet ippubblikata bil-Malti,” qalet Yin f’messaġġ permezz ta’ filmat qasir. “Din hija storja dwar l-awto-esplorazzjoni u s-sejba tad-direzzjoni fil-ħajja. Hija wkoll storja dwar l-arti, il-post u l-umanità. Ir-reliġjon u l-arti għandhom punt aħħari komuni – il-konverżjoni tal-moħħ tal-bniedem. Tali twemmin jistaʼ jħalli lil persuna tistenna d-dawl fid-dlam u tara l-ferħ fil-miżerja. Hekk kif din il-ġrajja laqtet bosta qarrejja fiċ-Ċina, nittama li l-qarrejja Maltin togħġobhom wkoll.”
L-istorja fittizja tirrakkonta l-esperjenza ta’ tifel Ċiniż jismu You An li għex aktar minn seklu ilu. Huwa tifel sfortunat li tilef lil ommu mat-twelid u għex ma’ missier trux u mat-tieni mara tiegħu li kienet abbużiva. It-tifel eventwalment jaħrab mid-dar u jispiċċa f’orfanatrofju li kien amministrat minn sorijiet barranin. Minn hemm, jittieħed f’Wild Reeds Hill fejn jibda jinteressa ruħu fil-pittura u l-iskultura minkejja d-diffikultajiet kollha li jrid jiffaċċja, inkluż il-fatt li jrid jittratta ma’ kultura barranija li ġiet imposta fuq pajjiżu.
Bħala lettur fil-lingwa Ċiniża u fl-istorja Ċiniża fid-Dipartiment tal-Istudji tal-Lvant Nofsani u tal-Asja tal-Lvant u d-Dipartiment tal-Istorja fl-Università ta’ Malta, Cachia jaf sew din il-lingwa tal-Lvant. Minkejja dan, meta fl-2019 ġie avviċinat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex jittraduċi l-ktieb għall-Malti, Cachia kien konxju li dan ix-xogħol kellu sfidi konsiderevoli.