Fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, ġie mniedi l-avveniment “Pop Sculptcha”. Permezz ta’ dan l-avveniment, li se jittella’ bejn it-13 u l-14 ta’ April fl-Esplora, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw id-dinja tal-kultura pop, li se jinkludu wkoll diversi superheroes, fosthom Superman, Ironman u ikoni oħra tal-comics. Matul dawn il-jumejn se jittellgħu diversi attivitajiet fosthom taħditiet minn artisti rinomati, esibiti fl-Esplora Planetarium, wirjiet ta’ statwi tal-kultura pop, kif ukoll kompetizzjoni tal-cosplay, fost attivitajiet oħra.
Id-dettalji dwar dan l-avveniment tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u l-Kap tal-Esplora Olaf McKay.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spejga kif, permezz tal-kollaborazzjoni mal-għaqda Malta Statue Collectors, jinsab konvint li din l-attività se tkompli żżid il-firxa ta’ attrazzjonijiet fl-Esplora li huma immirati għall-viżitaturi ta’ kull età.
Is-Segretarju tal-Malta Statue Collectors, Kluivert Bonello, qal li Pop Sculptcha se jservi ta’ vetrina għall-kollezzjonisti Maltin fejn tidħol l-arti u teknoloġiji ġodda fosthom l-istampar bit-3D. Bonello saħaq kif waqt Pop Sculptcha, wieħed se jkun jista’ jammira statwi li jifformaw parti minn uħud mill-aqwa kollezzjonijiet Ewropej, kif ukoll se jingħata l-opportunità li jammira t-talent ta’ cosplayers kemm mix-xena lokali kif ukoll dik lil hinn minn xtutna.
Il-Kap tal-Esplora, Olaf McKay spjega kemm l-iskultura se tkun parti integrali minn dan l-avveniment, u dan għall-fatt li se jkun hemm statwi relatati mal-kultura popolari.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jaċċessa s-sit: https://esplora.org.mt/pop-sculptcha-where-imagination-and-scientific-exploration-unite/