Dalgħodu tnieda kunċett ġdid li se jkun qiegħed iwassal biex pajjiżna jkollu strateġija nazzjonali għall-Edukazzjoni li tkopru l-perjodu mill-2024 sal-2030.
B’differenza għall-prassi tas-soltu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, fetaħ il-proċess għad-djalogu qabel jibda t-tfassil b’mod normali. B’hekk, din l-istrateġija se tkun qed titfassal permezz ta’ djalogu soċjali sħiħ mal-imsieħba kollha biex imbagħad jiġi ppubblikat dokument li jitqiegħed għal konsultazzjoni pubblika b’mod normali.
Fil-fatt, l-istrateġija se tkun qed titfassal b’mod sħiħ mill-professjonisti f’dan is-settur, li huma l-edukaturi li ta’ kuljum ikunu f’kuntatt dirett mal-istudenti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kulleġġ San Injazju Skola Medja ta’ Ħal Qormi, il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima,, għamel enfasi fuq edukazzjoni li twassal biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom.
Dan jista’ jsir jekk kull individwu jingħata attenzjoni speċjalizzata qal il-Ministru.
Huwa stqarr li l-edukazzjoni ta’ wliedna m’hijiex biss il-futur iżda l-preżent ta’ pajjiżna.
Huwa saħaq ukoll li dan il-proċess se jkun qiegħed jitfa’ responsabbiltà fuq kull min jieħu sehem biex ikun wieħed effikaċi li joffri pedament biex pajjiżna jasal għal din l-istrateġija.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Matthew Vella, stqarr li permezz ta’ dan il-proċess se jkun qiegħed jibni viżjoni fuq filosofija komuni li għandhom l-edukaturi.
Vella nnota li l-aspirazzjonijiet jistgħu jintlaħqu jekk ikun hemm qafas edukattiv li jinkludi lil kulħadd fih.
Huwa stqarr li din l-istrateġija se tkun qed timxi wkoll id f’id mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea fil-qasam edukattiv.
Ritianne Borg Saliba, li hija l-Kap tan-Netwerk tal-Kulleaġġ San Ġorġ Preca, għamlet preżentazzjoni dwar l-istrateġija preżenti għall-Edukazzjoni, li kienet tiffoka fuq il-kwalità u opportunitajiet indaqs għall-istudenti.
Hija nnotat kif matul il-perkors ta’ din l-istrateġija, li kienet mifruxa fuq għaxar snin, ie rreġistrat titjib fuq diversi binarji. Dan minkejja li l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet l-effetti tagħha li, iżda, kienu minimi meta kkomparati ma’ pajjiżi oħra. Dan kien attribwit fosthom għall-fatt li dawk l-istudenti li ma kellhomx aċċess għall-apparat elettroniku ngħatalhom biex ma jaqgħux lura.