Tnieda ktieb uffiċjali tal-Olimpjadi Speċjali, li se jsiru f’pajjiżna x-xahar id-dieħel.
Il-ktieb, bl-isem ta’ ‘Ilkoll Speċjali’, huwa miktub mit-tfal u għadda minn taħt għajnejn l-awtur magħruf Trevor Zahra, li rrimarka li ħassu kburi li kellu l-opportunità li jagħżel il-kitbiet li eventwalment ġew ippubblikati. Huwa rrimarka li huwa faċli għall-kbar li jinsew kemm wieħed jista’ jitgħallem mit-tfal.
Zahra sostna fuq l-importanza li l-kitba kreattiva tiġi mħeġġa fost iż-żgħar.
Fit-tnedija ta’ dan il-ktieb, il-President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, qalet li dan il-ktieb huwa xhieda tal-kapaċitajiet tat-tfal Maltin u Għawdxin. Hija spjegat ukoll il-ħsieb wara dan il-ktieb.
Qalet, “Illum kienet ġurnata oħra speċjali għax illum nedejna ktieb bit-titlu ‘Ilkoll Speċjali’. Din kienet idea li nibtet minn Special Olympics Malta, fejn tlabna lit-tfal kollha fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex jgħidulna xi tfisser għalihom ‘Special Olympics’, u l-kliem sabiħ u l-kliem pożittiv li ħarġu bihom it-tfal kienu xi ħaġa straordinarji.”
Intant, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, u ż-Żgħażagħ, Clifton Grima, qal li l-ħidma wara l-Olimpijadi Speċjali hija waħda sinifikanti, u b’dan il-ktieb ħareġ biċ-ċar il-fatt li t-tfal Maltin u Għawdxin għandhom talenti varji. Ikkummenta li, permezz ta’ dan it-talent, dawn it-tfal se jkunu qed iservu ta’ rapreżentanti ta’ pajjiżna.
Spjega, “Rajna permezz ta’ din l-inizjattiva li mmorru fl-iskejjel tagħna u l-iskejjel tagħna, hemm l-istudenti jagħtu l-kontribut tagħhom, kontribut li permezz tal-kitba tagħhom se jkunu l-istess studenti ambaxxaturi tagħna; ambaxxaturi li se jkunu qegħdin juru x-xogħol tagħhom tal-istudenti Maltin u Għawdxin kollha mal-erba’ rjiħat tad-dinja.”