Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-komik maħruġ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq bl-isem Lura fiż-Żmien man-Nannu Salv.
Dan il-komik jitratta l-istorja ta’ dan ir-raħal u jħares lejn avvenimenti storiċi li affetwaw il-komunità ta’ Ħal Għaxaq, fosthom id-Dar tal-Bebbux, il-bini tal-Knisja u t-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-Kunsill ta’ din l-inizjattiva, minħabba li bis-saħħa tagħha huma pprovdew mod interattiv u eċċezzjonali sabiex iż-żgħar tar-raħal ikunu jafu dwar l-istorja ta’ Ħal Għaxaq. “Permezz ta’ proġetti ta’ din is-sura, qegħdin inkomplu nfakkru u nsaħħu l-wirt storiku tagħna, kemm mal-kbar, u wisq aktar maż-żgħar li għadhom qegħdin jitgħallmu dwar pajjiżna. Aħna bħala Gvern kommessi biex inkomplu nagħmlu l-kultura u l-patrimonju tagħna aktar aċċessibbli.”
Il-ħsieb wara dan il-komik kien li jintroduċi l-istorja ta’ Ħal Għaxaq lit-tfal b’mod li jinteressa lit-tfal, kif ukoll biex jiġi nkoraġġut il-qari. Dan il-ktieb ġie inawgurat fl-iskola primarja ta’ Ħal Għaxaq, fejn kien hemm ukoll studenti minn din l-iskola li rreċtaw parti minn dan il-komik.
Il-Gvern huwa impenjat biex ikompli jsaħħaħ il-wirt u l-kultura, li huma parti intrinsika minn dak li jagħmilna Maltin.