Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat nieda diversi inizjattivi sabiex, fiċ-ċirkostanzi preżenti minħabba l-imxija tal-Coronavirus, sitwazzjoni li qed tolqot ukoll lis-settur tal-volontarjat, ikun f’pożizzjoni li jassisti kemm lis-settur tal-volontarjat kif ukoll lill-pubbliku.
Hekk kif bdiet din is-sitwazzjoni, il-kunsill kien f’pożizzjoni li jibqa’ jagħti s-servizzi tiegħu b’mod remot. Bħala servizz miżjud, tnieda hotline bin-numru 79481120, li huwa numru li jista’ jintuża 24/7 sabiex jassisti lill-għaqdiet volontarji.
Tnieda wkoll help desk online, li wieħed jista’ jaċċessa kemm direttament permezz tal-link http://support.maltacvs.org/ jew billi jidħol fis-sit tal-kunsill, www.maltacvs.org, fejn jista’ jsib il-buttuna ‘Help Desk’ fuq fin-naħa tal-lemin fil-banner.
Dan is-servizz jilqa’ kemm mistoqsijiet ġenerali kif ukoll speċifikament fuq il-fondi u s-servizzi li joffri dan il-kunsill. Dawn il-mistoqsijiet jgħaddu direttament lill-uffiċjal responsabbli b’mod awtomatiku u jkunu mwieġba f’inqas minn 24 siegħa.
Is-Segretarju Parlamentati għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li rringrazzja lill-voluntiera li bħal dejjem ix-xogħol tagħhom huwa indispensabbli, saħaq li għandna nagħmlu kuraġġ, nisimgħu l-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u nagħmlu użu mis-servizzi utli li qed jiġu offruti.