Ġie mniedi b’mod uffiċjali il-grupp imsejjaħ Multi Agency Risk Assessment Meeting, fil-qasir MARAM, li l-għan tiegħu hu li jissalvagwardja l-vittmi tal-vjolenza domestika.
F’konferenza tal-aħbarijiet, li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, intqal li dan il-grupp twaqqaf wara li l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali fl-omiċidju ta’ Bernice Cassar.
MARAM ilaqqa’ flimkien professjonisti li ġejjin minn numru ta’ entitajiet u oqsma, fosthom il-Pulizija, mill-edukazzjoni u s-saħħa, u li jiddiskutu każ, każ, dwar rapporti ta’ vjolenza domestika. Dan se jwassal biex hawnhekk jittrattaw x’azzjonijiet għandhom jittieħdu f’kull każ, kif spjegat iċ-Chairperson ta’ MARAM, Ruth Sciberras.
Qalet, “MARAM hu fejn l-entitajiet kollha jiltaqgħu biex jiddiskutu dawk il-każijiet ta’ riskju għoli. Meta jsir ir-risk assessment jew mis-social workers tal-Appoġġ jew mill-assessjaturi tal-Appoġġ fid-Depot tal-Pulizija, hemmhekk, meta l-vittma tidħol u jagħmlulha r-risk assessment u jiġi ta’ riskju għoli, dawk il-każi kollha se jiġu riferuti lil MARAM.”
Minn Ġunju, mindu beda jaħdem dan il-grupp, ġew diskussi 74 każ ta’ vjolenza domestika ta’ riskju serju. Intqal li 63 vittma huma nisa, tlieta mill-vittmi huma rġiel, waqt li l-każijiet oħrajn huma fejn ġenituri jkunu l-vittmi mit-tfal.
Sciberras spjegat ukoll li se tkun qed tinġabar l-informazzjoni u statistika dwar il-każi li jinstemgħu f’dan il-grupp.
Sostniet li l-uffiċjali ta’ MARAM ġew imħarġa minn uffiċjali fir-Renju Unit.
Stqarret, “Jiena u l-amministazzjoni ta’ MARAM morna fir-Renju Unit u rċevejna t-taħriġ tagħna. Dan it-taħriġ għaddejnih lil designated MARAM officers, jiġifieri dawk ir-rappreżentanti li l-entitajiet jibgħatu fuq dan il-grupp.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, sostna li dan il-grupp juri l-impenn bis-sehem ta’ kulħadd biex ikun hemm aktar ħidma f’dan is-settur.
Stqarr, “Nista’ ngħid b’idejha fuq qalbi li hemm koperazzjoni sħiħa mid-dipartimenti u l-awtoritajiet kollha involuti u wasalna biex ukoll nevalwaw x’għodda oħrajn nistgħu nużaw. Nieħu pjaċir ngħid li issa jkun pass ieħor ’il quddiem li nibdew bit-taħriġ formali għal għodda li jiġu addattati aħjar għal pajjiżna.”