L-Aġenzija Żgħażagħ organizzat il-konferenza annwali Asking Youth Organisation, li ġġib flimkien lill-għaqdiet taż-żgħażagħ sabiex jitkellmu dwar il-ħidma siewja tagħhom.
Konferenza, li għaliha attendew numru sabiħ ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ minn oqsma differenti tal-ħajja, u li fiha ġie mniedi, is-Self Assessment Tool for Quality Work with Young People by Youth Organisations.
Il-Maniġer fi ħdan l-Aġenżija Żgħażagħ, Maria Borg spjegat li dan id-dokument se jservi ta’ għodda ġdida, li permezz tiegħu, l-għaqdiet jirriflettu dwar il-ħidma tagħhom u s-servizzi siewja li huma jagħtu liż-żgħażagħ.
“Self-Assessment Tool sabiex l-għaqdiet taż-żgħażagħ jevawlaw huma stess il-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ. Għaliex huwa importanti? Dan id-dokument huwa għodda li permezz tiegħu qed jagħti framework kif l-għaqdiet ta’ żgħażagħ jevalwaw ix-xogħol tagħhom maż-żgħażagħ. Eżattament il-kwalità tax-xogħol tagħhom maż-żgħażagħ.”
Id-dokument inħareġ wara li fl-istess konferenza, s-sena li għaddiet, tqajjem il-punt dwar il-valur tal-kwalità li qed tingħata mill-għaqdiet taż-żgħażagħ.
“Is-sena li għaddiet, f’din l-istess konferenza tkellimna dwar xinhi l-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ. Hemmhekk ħareġ ħafna l-bżonn li niffukaw fuq li nagħtu valur tal-ħidma li nagħtu maż-żgħażagħ kif ukoll nagħtu gwida ta’ x’tista’ tkun din il-kwalità fejn nitkellmu fuqha dwar il-ħidma taż-żgħażagħ.”
Waqt l-istess konferenża, ġie mniedi ukoll id-Direttorju għall-Għaqdiet taż-Żgħażagħ, riżorsa importanti oħra għal żgħażagħ, ġenituri, edukaturi u professjonisti oħrajn li jaħdmu maż-żgħażagħ, bħal Youth workers. Dan id-direttorju għandu jiffaċilità ir-relazzjoni bejn l-għaqdiet taż-żgħażagħ, u jgħin il-kollaborazzjoni ta’ bejniethom.
Waqt din il-Konferenza ħareġ ukoll l-impenn b’saħħtu li għandu dan il-Gvern li kompla jinvesti fit-tisħiħ ta’ firxa ta’ għajnuniet għall-għaqdiet taż-żgħażagħ, fosthom b’fondi, b’riżorsi oħrajn kif ukoll b’informazzjoni li tkun immirata li tgħin lill-għaqdiet iwettqu l-ħidma tagħhom b’mod effettiv.