B’investiment ta’ mija ħamsa u għoxrin elf ewro ġie mniedi fond ta’ emerġenza għall-għaqdiet volontarji.
L-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna ħolqot sitwazzjonijiet ta’ sfida għall-għaqdiet volontarji sabiex ikomplu joperaw.
Għaldaqstant il-gvern ħass li għandu jgħin lill-għaqdiet volontarji, b’kull għaqda tista tingħata sa ħamest elef ewro.
Ħamsin elf ewro minn dawn il-flus ħarġu mill-Fond għall-Kawżi Ġusti.
Il-fond se jappoġġa għaqdiet li jistgħu jsofru ħsara irreparabbli għall-għaqda tagħhom li tista’ tirriżulta fl-għeluq tal-istess għaqda u li jappoġġa għaqdiet li jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex iżommu u jerġgħu jibdew l-operazzjoni fl-istadju ta’ wara l-pandemija.
Il-Ministru għall-finanzi Edward Scicluna qal li din l-għajnuna qed tingħata b’rikonoxximent għall-impenn volontarju siewi li dawn l-għaqdiet jagħtu lejn is-soċjetà Maltija.
“Il-gvern qed jgħin u qed jiġi rikonoxxut anki mill-BBC. Konna ġenerużi anki b’pakketti finanzjarji.” Saħaq il-Ministru Scicluna.
Is-Segretarju Parlamentari għal Volontarjat Clifton Grima, saħaq li permezz ta’ dawn il-fond il-gvern qed juri kemm għandu għal qalbu l-volontarjat.
Is-Segretarju Parlamentari Grima qal, “Numru ta’ għaqdiet se jibqgħu joperaw. Ngħinuhom u se nibqgħu fuq quddiem nett b’dawn l-inizzjattivi biex jibqgħu joperaw.”
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Noel Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo qalu li hekk kif feġġet din is-sitwazzjoni, il-kunsill kien f’pożizzjoni li jibqa’ jagħti s-servizzi tiegħu b’mod virtwali.
Bħala servizz miżjud tnieda wkoll dak magħruf bħala help desk online, li wieħed jista’ jaċċessa fuq is-sit uffiċjali tal-Kunsill.
Il-Kunsill tal-Volontarjat qed jikkordina wkoll individwi u gruppi biex jagħtu appoġġ lil għaqdiet volontarji li jinsabu fil-komunità.