Il-Gvern nieda uffiċjalment il-Malta Government Venture Capital Ltd, fond ta’ għaxar miljun ewro mmirat biex jipprovdi investiment ta’ ekwità f’kumpaniji startup iffokati fuq teknoloġiji innovattivi.
Din l-aħbar tasal wara li fl-ewwel TechXpo, li saret f’pajjiżna f’Settembru li għadda, kien tħabbar il-kunċett tal-Venture Capital Fund, li jirrikonoxxi l-bżonn ta’ fond bħal dan f’pajjiżna.
Minn dakinhar sitt investituri wrew interess u applikaw. Is-setturi li dan il-fond se jkun qed jiffoka fuqhom huma lkoll setturi innovattivi.
Dawn intagħżlu b’mod strateġiku minħabba l-preżenza eżistenti tagħhom f’Malta u l-potenzjal għat-tkabbir u s-sostenibbiltà. Huma joffru opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għolja u joperaw fi spazji kompatti, li jagħmluhom kontributuri vijabbli għall-ekonomija.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini l-ġodda tal-Malta Venture Capital Ltd, ic-Chairman Jesmond Gatt spjega kif fi, żmien sentejn, bosta kumpaniji se jkunu qed jinvestu u b’hekk ikunu jistgħu ikabbru l-operat tagħhom.
Qal, “Venture capitalist li huma nies li lesti jieħdu riskju li jpoġġu flushom u jidħlu fi sħab mal-kumpanija, jagħtu għajnuna lill-kumpanija teknika biex tkun tista’ tiżviluppa u permezz t’hekk il-kumpaniji jikbru b’rata mgħaġġla ħafna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, spjega li, permezz ta’ dan il-fond, il-Gvern se jkun qed jgħin lill-intraprendituri joħolqu prodotti u soluzzjonijiet innovattivi ħalli tiġi assigurata ekosistema teknoloġika ta’ appoġġ u ta’ finanzjament.
Il-Ministru kompla jgħid biex start-ups ma jibżgħux jieħdu l-pass u jiżviluppaw l-ideat tagħhom.
Qal, “Ngħinu u nissaportjaw inizjattivi bħala start-ups li, eħe, ikollhom livell ta’ riskju però jekk wieħed iħanres lejn l-akbar kumpaniji fid-dinja li għandna llum huma kollha kumpaniji li bdew minn start-ups.”