Festivals Malta nieda festival ġdid dedikat għaż-żfin fil-portafoll diversifikat tiegħu. Dance Festival Malta ser jiffoka fuq l-arti taż-żfin, li għalkemm dejjem għamel parti mill-programm artistiku kulturali, qatt ma kellu pjattaforma ddedikata għalih. Dan il-festival ser ikun imqassam fuq erba’ tijiem ta’ workshops intensivi u prestazzjonijiet kontemporanji minn diversi artisti lokali u internazzjonali.
B’hekk Festivals Malta ser jkun jista’ jiftaħ bibien ġodda għall-istudenti ta’ dan il-qasam biex jiksbu l-esperjenza neċessarja li ser tgħinhom għall-futur tagħhom, kif ukoll għall-artisti lokali, li jixtiequ jilħqu orizzonti ġodda fil-karriera professjonali tagħhom.
Il-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali Dr José Herrera saħaq li kien ilu joħlom li din il-forma t’arti tingħata pjattaforma xierqa, b’hekk kull settur tal-arti performattiva jista’ jiġi ċċelebrat bl-aħjar mod possibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala qalet li permezz ta’ Dance Festival Malta, l-artisti lokali ser jingħataw l-opportunita` li jibnu relazzjonijiet ġodda ma’ artisti internazzjonali, kif ukoll ser joħloq kollaborazzjonijiet ġodda mal-iskejjel taż-żfin f’pajjiżna.
Id-Direttur Artistiku ta’ Dance Festival Malta, Francesca Tranter, spjegat li dan il-festival qed jiġi varat fi żmien importanti ħafna minħabba l-bidliet li qed iseħħu fis-settur tal-arti performattiva.
Dance Festival Malta huwa organizzat minn Festivals Malta u ser isir bejn it-28 u l-31 ta’ Marzu 2022, bis-sapport tal-Malta Tourism Authority, Spazzju Kreattiv, ASI u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Aktar informazzjoni fuq www.festivals.mt/dfm.