Malta għamlet pass importanti fit-triq lejn politika aktar inklużiva għall-anzjani, billi organizzat l-ewwel Stakeholder Engagement Event fil-kuntest tal-United Nations Economic Commission for Europe (UNECE) – Standing Working Group on Ageing. L-avveniment ġie organizzat mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) bħala parti mill-proċess ta’ aġġornament tal-International Plan of Action on Ageing.
Dan l-avveniment kien jinkludi roundtable ma’ esperti u stakeholders ewlenin minn diversi oqsma, fosthom l-edukazzjoni, is-saħħa, it-teknoloġija u l-appoġġ soċjali. Id-diskussjoni ffukat fuq il-litteriżmu diġitali u l-ħiliet tul il-ħajja bħala prijoritajiet ta’ politika għal Malta. Fost il-parteċipanti kien hemm rappreżentanti mill-Medical Association of Malta, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, l-Aġenzija għall-Appoġġ lill-Vittmi u l-Awtorità għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija, li kollha offrew fehmiet prezzjużi dwar kif jissaħħu l-politiki relatati mal-anzjanità f’Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea tkellem dwar l-importanza li politika dwar l-anzjanità tibda mill-bżonnijiet reali tal-komunità. “Meta ninvolvu nies b’esperjenza diretta, mill-qasam tas-saħħa sal-edukazzjoni u s-servizzi soċjali, qed niżguraw li kull miżura tkun mibnija fuq ir-realtà. Illum qed nikkonsultaw biex għada nkunu aktar effettivi fil-politika tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-AACC, Dr Renzo De Gabriele, qal li dan l-avveniment imtella’ f’pajjiżna jikkonferma kemm Malta hija impenjata li tindirizza l-isfidi tal-anzjanità b’politika magħmula fuq l-evidenza u l-kollaborazzjoni.
Huwa spjega li se jkun qed isir eżerċizzju nazzjonali permezz ta’ kwestjonarju mmexxi mill-Prof. Vincent Marmara. Ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju se jiġu ppreżentati f’rapport nazzjonali li jintbagħat lis-Segretarjat tal-UNECE aktar tard din is-sena, biex jikkontribwixxi għar-rieżami tal-Istrateġija Reġjonali dwar l-Anzjanità flimkien ma’ rapporti minn pajjiżi membri oħra. Dan il-proċess huwa konformi wkoll mal-Malta Vision 2050, bil-għan li tiġi żviluppata politika nazzjonali li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, inklużi l-anzjani.