Ġie mniedi dokument ta’ viżjoni għall-industrija tas-superyachts, li permezz tiegħu se tkompli tissaħħaħ il-ġurisdizzjoni Maltija f’dan ir-rigward.
Dan id-dokument għandu l-għan li jkompli jippromwovi lil Malta bħala għażla preferuta fl-industrija tas-superyachts, trawwem tkabbir sostenibbli u toħloq ekosistema b’saħħitha.
Id-dokument hu frott proċess ta’ konsultazzjoni komprensiva li involva l-partijiet interessati tal-industrija, flimkien ma’ riċerka preliminari u analiżi b’saħħitha.
Waqt it-tnedija tad-dokument intqal li, fl-aħħar 16-il sena, in-numru ta’ superyachts li jaqbżu l-24 metru u li huma rreġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili żdied minn madwar mija fl-2007 għal aktar minn elf u mija f’Awwissu li għadda.
Hawn intqal li dan it-tkabbir mhux biss jistimula l-ekonomija, iżda jiġġenera wkoll impjiegi ta’ kwalità għolja u servizzi anċillari, li jmorru id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li jinħolqu setturi b’valur miżjud b’opportunitajiet ta’ karriera.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, li nieda d-dokument qal, fl-intervent tiegħu, li l-viżjoni ġenerali hi ċara, dik li Malta tkompli ssir l-għażla naturali għall-industrija tas-superyachts, b’ekosistema sostenibbli appoġġjata minn infrastruttura affidabbli, servizzi ta’ kwalità u forza tax-xogħol speċjalizzata.
“Dan hu l-punt tal-tluq mhux tal-wasla. Filwaqt li pajjiżna sar il-ġurisdizzjoni tal-għażla għal ħafna superyachts ta’ erbgħa u għoxrin metru ’l fuq, għax għandek elf u mija, għalija dawk mhux biżżejjed. Allura tkellimna mal-industrija, ħdimna mal-industrija, kellna proċess tajjeb ħafna fejn illum wellidna l-viżjoni.”
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Kumitat ta’ Tmexxija, Dr Stephanie Fabri qalet li dan id-dokument juri s-setgħa tal-konsultazzjoni peress li kien ir-riżultat tal-partijiet interessati li ngħaqdu flimkien u fasslu t-trasformazzjoni ulterjuri tal-ekosistema tas-superyachts.
Id-dokument jista’ jiġi aċċessat minn fuq is-sit infrastructure.gov.mt.