L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħejjiet Dokument ta’ Informazzjoni biex tiggwida l- Infrastruttura Ekoloġika f’Malta, u nediet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan id-dokument. L-Infrastruttura Ekoloġika (GI) tirrigwarda l-pajsaġġ u l-ippjanar tagħha f’ambjenti naturali, rurali u urbani, u tippromwovi sistemi aktar ekoloġiċi fit-tisbiħ u l-immaniġjar tal-art.L-ERA spjegat kif waħda mill-isfidi ambjentali ewlenin li qed niffaċċjaw illum hija d-daqs żgħir tal-pajjiż u t-telf tal-bijodiversità assoċjat mad-degradazzjoni ta’ dan l-istess ambjent. Il-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika kif ukoll diversi proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika li għadhom għaddejjin u ppjanati għandhom l-għan li jespandu spazji miftuħa u ekoloġiċi kemm f’sens rurali kif ukoll urban u jnaqqsu l-impatti fuq il-klima u fuq l-ilma. Diversi inizjattivi humaappoġġjati wkoll mill-fondi tal-UE.
Michelle Piccinino, id-Direttur tal-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA qalet li “Dan huwa kunċett relattivament ġdid f’Malta. L-infrastruttura ekoloġika hija meqjusa bħala soluzzjoni mmirata lejn titjib fil-kwalità tal-ħajja, titjib tal-kwalità tal-ilma u tal-arja u ż-żamma tal-bijodiversità. Dawn jirriżultaw f’bosta benefiċċji soċjali, ta’ saħħa u tal-ekonomija.”
Id-dokument ta’ konsultazzjoni jimmira li jipprovdi rendikont informattiv tal-kunċett tal-(ĠI) u huwa maħsub biex jippromwovi u jimmotiva inizjattivi addizzjonali f’livelli varji f’konformità mal-liġijiet nazzjonali rilevanti u applikabbli. Matul id-dokument ta’ konsultazzjoni, l-ERA tenfasizza li l-Infrastruttura Ekoloġika f’Malta trid tiġi żviluppata filwaqt li tqis kemm l-aspetti naturali u soċjali biex tinkiseb kwalità ta’ ħajja aħjar.