Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva waqqaf Direttorat għall-Kura tad-Dimensja li se jkun inkarigat biex jissorvelja u jikkoordina l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali attwali u futuri, li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja u tal-persuni li jieħdu ħsiebhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dan id-Direttorat se jaħdem b’mod kollaborattiv ma’ għaqdiet mhux governattivi, mas-settur privat, u ma’ servizzi volontarji biex tkompli l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija nazzjonali fuq id-dimensja li tnediet fl-elfejn u ħmistax.
Dan biex ikompli jingħata servizz ta’ kwalità u jkompli jiżdied l-għarfien dwar id-dimensja.
Id-Direttur tal-Kura tad-Dimensja, Dr Alex Golby spjega aktar l-għan wara dan id-Direttorat.
“L-għan ta’ dan id-Direttorat ħa jkun li ngħinu persuni bid-dimensja f’liema stat ikunu, ngħinuhom isibu servizzi għalihom, ta’ kwalità, u l-informazzjoni li għandhom bżonn biex jgħixu kemm jista’ jkun ħajja ta’ kwalità tajba.”
Alex Golby
Id-direttorat se jirrevedi s-servizzi attwali li qed jiġu offruti għall-persuni bid-dimensja biex jagħtu l-aħjar servizz possibbli.
Fl-istess waqt li se jaħdem biex ikun hawn aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni, u r-riskji marbuta magħha.
“Id-Direttorat ħa jkun qed jieħu ħsieb lill-membri tal-familja, li ħafna drabi dawn jibdlu l-istil ta’ ħajja biex jgħinu lill-familjari u ħa jibda jkun ta’ sapport għalihom through servizzi u edukazzjoni biex nagħtuhom l-għodda neċessarja biex nagħtu l-aħjar għajnuna possibbli u jieħdu ħsieb tagħhom infushom.”
Alex Golby
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela qal li l-viżjoni ta’ dan id-direttorat ġdid hija li persuni li jgħixu b’din il-kundizzjonijiet u dawk li jieħdu ħsiebhom, jirċievu kull appoġġ u servizz li jeħtieġu.
“Din il-kundizzjoni għandha effetti konsiderevoli li saħansitra jistgħu jkunu devastanti fuq il-persuni li jgħixu biha u dawk il-persuni li jieħdu ħsiebhom. Aħna kommessi, anzi, lesti naffaċċjaw kull sfida sabiex liċ-ċittadini fis-soċjetà tagħna noffrulhom id-dinjità u l-apprezzament li jixirqilhom.”
Jo Etienne Abela
Wieħed jista’ jikkuntattja lid-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja, billi jibgħat imejl fuq dcd.aacc@gov.mt jew iċempel fuq 22788900.
Ritratt ewlieni: oceanhillsseniorliving.com