Ġie mniedi l-proġett bl-isem ta’ ArtiKomunità fil-Fondazzjoni Nazareth. Dan il-proġett li kien mixtieq mill-fundatur ta’ din il-fondazzjoni, se jara ċentru tal-arti għall-persuni b’diżabilità.
Dan il-proġett, li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni bil-mużika, iż-żfin u l-arti, qed isir b’kollaborazzjoni bejn The Malta Foundation for the Wellbeing of Society, Fondazzjoni Nazareth u l-Ministeru għall-Kultura.
Dan il-proġett huwa wieħed innovattiv, hekk kif għall-ewwel darba adulti b’diżabiltà se jingħataw opportunità sabiex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom bl-arti.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, li hija kemm iċ-Chairperson tal-MFWS u anki l-President ta’ Dar Nazareth.
Coleiro Preca sostniet li ftit xhur ilu, qabel miet Dun Anġ beda jesprimi x’jixtieq li jkun il-ġejjieni tal-Fondazzjoni Nazareth u ried iwettaq dan il-proġett, li ġie varat illum.