Il-proġett ta’ servizz.gov qed ifisser li fix-xahar mal-erbgħin elf persuna jagħmlu użu min-numru 153, tlett elef u ħames mitt persuna jmorru fiċ-ċentru reġjonali, u s-servizzi online u fuq il-mobile jiġu aċċessati għaxart elef darba fix-xahar.
Biex is-servizz jilħaq lill-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà, fil-Furjana nfetaħ Ċentru Servizz Familja, one-stop-shop ta’ servizz.gov li jipprovdi servizz ħolistiku espert għal pensjonanti u anzjani, persuni fuq il-benefiċċji soċjali u persuni qiegħda, persuni b’diżabilità u persuni vulnerabbli li jkunu jeħtieġu għajnuna soċjali; kif spjega l-Ministru Michael Falzon; li enfasizza li f’dan il-post iċ-ċittadini f’dawn is-sitwazzjonijiet ikunu mgħarrfa mis-servizzi li jistgħu jagħmlu użu minnhom.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega kif dan iċ-Ċentru jkompli jibni fuq il-ħidma li diġà twettqet, b’ħames ċentri reġjonali u oħrajn speċjalizzati.
Kien spjegat li dan iċ-ċentru, minkejja li speċjalizzat, se joffri wkoll is-servizzi kollha tal-Gvern bħaċ-ċentri reġjonali.
Is-Sur Cutajar innota li l-idea għal dan iċ-ċentru nibtet minn ċirkostanzi reali fejn ġuvni ta’ tmintax-il sena sofra ġrieħi permanenti, u familtu ma kinitx taf x’bibien trid tħabbat.
Barra minn hekk ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jitnieda l-kunċett ta’ once only principle – li informazzjoni lill-Gvern tingħatalu darba biss, u mhux lil kull dipartiment individwalment.