Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, nedew abbozz għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-istatus tal-artist, li se jara l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda għall-artisti fis-snin li ġejjin.
Dan filwaqt li miżuri li diġà qegħdin fis-seħħ jiġu infurzati ħalli jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kull min jaħdem fis-settur artistiku.
B’hekk, b’dan l-abbozz, se tinħoloq sistema ħolisitka b’liġijiet li jaħdmu id f’id mal-artist.
F’kummenti ma’ ONE News, id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, saħqet li dan l-abbozz, mhux biss se jkun ta’ benefiċċju għall-artisti iżda anke għal min iħaddimhom.
“Hemm affarijiet li diġà jeżistu fil-Kostituzzjoni – fil-leġiżlazzjoni – tagħna, bħal-libertà tal-espressjoni, il-proprjetà intellettwali, iżda se nkunu qed napplikawhom speċifikament għal dan is-settur kulturali u kreattiv; u hemm anke għanijiet oħra bħal prattiċi ġusti, hemm diversi għanjiet fejn l-artisti ħa jkunu – inkunu qed ngħinu biex nipprofessjonalizzaw is-settur u l-ħidma tagħhom.”
Matul is-sitt ġimgħat li ġejjin, il-Kunsill Malti għall-Arti se jilqa’ l-ħsibijiet tal-pubbliku sakemm dan l-abbozz ikun iffinalizzat.
“Il-pubbliku inġenerali huwa mistieden li jagħti l-feedback tiegħu biex proprju imbagħad jiġi mniedi ċ-charter, il-karta finali f’Ottubru li ġej waqt is-symposium li jorganizza l-Kunsill Malti għall-Arti. Matul dan is-symposium ħa jiġi ffirmat dan iċ-charter propju mill-entitajiet.”