Minn Ġunju, se jidħlu fis-seħħ żewġ skemi li permezz tagħhom se jkun faċilitat ix-xiri ta’ vetturi aċċessibbli minn persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti, fosthom vetturi li biex jinsaqu s-sewwieq jista’ jibqa’ bilqiegħda fis-siġġu tar-roti.
Dawn l-iskemi tħabbru mill-Ministru responsabbli mill-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru spjegat li l-ewwel skema se tgħin persuni b’diżabilità jixtru vettura li tippermettilhom isuqu direttament mis-siġġu tar-roti tagħhom. F’dan il-każ, huma se jibbenefikaw minn sussidju sa 20 fil-mija fuq il-prezz tal-karozza.
Julia Farrugia Portelli sostniet li din l-iskema se tagħti aktar indipendenza, għax se tippermetti lil persuna b’diżabilità li tmur fejn trid, meta trid u mingħajr ma tkun tiddependi fuq ħaddieħor għat-trasport.
Dan filwaqt li t-tieni skema se toffri għajnuna finanzjarja fix-xiri ta’ vettura użata modifikata li jkollha lift jew rampa għall-aċċess ta’ siġġu tar-roti u li tkun reġistrata Malta.
Sal-lum din l-iskema kienet miftuħa biss għall-karozzi ġodda. B’hekk, dawk li jixtru karozza użata modifikata li tkun reġistrata diġà, se jibdew jingħataw il-possibilità li jibbenefikaw minn sussidju sa 10 fil-mija fuq il-prezz tal-karozza.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, iddeskriva ż-żewġ skemi bħala pass ieħor ’il quddiem fil-għoti ta’ servizzi għall-persuni b’diżabilità.