Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mal-Malta Philharmonic Orchestra (MPO), nedew żewġ proġetti edukattivi ġodda.
Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex isaħħu r-rwol tal-mużika fl-edukazzjoni, jgħinu fit-tkabbir kulturali taż-żgħażagħ, u jrawmu aktar apprezzament għall-wirt artistiku Malti.
Wieħed miż-żewġ proġetti edukattivi li qed jitnieda huwa Sounds Like Me – inizjattiva interattiva li se ddur fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex. Dan il-proġett jistabbilixxi rabta diretta bejn il-mużika u s-saħħa mentali tat-tfal permezz ta’ attivitajiet kreattivi. L-MPO flimkien ma’ tim multidixxiplinari ta’ professjonisti edukattivi, psikoloġiċi u mużikali, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi, ħolqot dan il-proġett b’għan ċar: li tgħin lit-tfal jiskopru mhux biss il-mużika orkestrali, imma wkoll kif din tista’ sservi ta’ għodda espressiva fil-ħajja ta’ kuljum.
It-tieni inizjattiva li ġiet imnedija hija MPOkids.com, website edukattiva ġdida u innovattiva li tipprovdi lill-istudenti riżorsi varjati dwar id-dinja tal-mużika u l-Malta Philharmonic Orchestra. Din il-pjattaforma tinkludi filmati edukattivi, quizzes interattivi, u materjal ieħor li jgħin lit-tfal jitgħallmu aktar dwar l-istrumenti orkestrali, l-istorja tal-orkestra, u l-importanza tal-mużika.
Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza tal-investiment fil-futur tal-orkestra Maltija. “Permezz ta’ dawn il-proġetti, l-istudenti se jingħataw l-opportunità li jesperjenzaw id-dinja tal-mużika b’mod aktar interattiv u inklussiv,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta’ tagħlim li jmur lil hinn mill-kurrikulu mgħallem fl-iskejjel. “Permezz tar-rabta bejn l-edukazzjoni u l-kultura, qed nagħtu opportunità oħra biex l-edukazzjoni nagħtuha dimensjoni oħra – dimensjoni li hija importanti daqs l-edukazzjoni li l-istudenti tagħna jieħdu fil-klassijiet tagħhom,” qal il-Ministru Grima.
Huwa fakkar fid-diversi inizjattivi li hemm bejn iż-żewġ ministeri li permezz tagħhom qed jingħataw opportunitajiet diversi lill-istudenti. “Dawn huma inizjattivi li permezz tagħhom qed nuru impenn biex l-istudenti tagħna nrawmuhom b’edukazzjoni sħiħa, edukazzjoni li twassalhom ukoll biex jiżviluppaw kemm personalment kif ukoll professjonalment. F’dawn l-inizjattivi tal-lum qed inwettqu l-impenn tagħha biex inwasslu l-mużika lil etajiet żgħar, filwaqt li qed nużaw dan il-mezz biex jgħinhom ukoll fis-saħħa mentali tagħhom,” qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tagħha, Vanessa Mangion, il-Kap Eżekuttiv tal-MPO, qalet li permezz ta’ MPOkids.com u Sounds Like Me, l-istudenti ħa jkabbru l-informazzjoni fuq il-mużika, jifhmu iktar il-bżonnijiet tagħhom bil-mużika differenti u jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom permezz tal-mużika.