Illum tnedew pubblikament żewġ dokumenti importanti fis-settur edukattiv: Il-Qafas ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni f’Malta (mit-twelid sa 16-il sena) u l-Istandards Nazzjonali għall‑Kwalità fl‑Edukazzjoni (minn 3 snin sa 16‑il sena).
Dan bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2023-2030, biex tinbena mill-qiegħ il-viżjoni għas-settur edukattiv.
Id-dokument ‘Il-Qafas tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni f’Malta (0-16-il sena)’ għandu l-għan li jrawwem ħsieb komuni fost l-imsieħba dwar il-prinċipji tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-istituzzjonijiet edukattivi.
Id-dokument ‘Standards Nazzjonali ta’ Kwalità fl-Edukazzjoni (3-16-il Sena)’ jipprovdi miżuri konkreti u jiddefinixxi kriterji ta’ suċċess u marki tal-kwalità għal tliet settijiet ta’ standards. Dawn l-istandards huma mfassla biex itejbu l-effettività tal-iskola u jiggarantixxu riżultati edukattivi ta’ kwalità għolja.
“Il-bidla lejn edukazzjoni bbażata fuq l-istandards se tħalli impatt kbir fuq is-sistema edukattiva Maltija u timmarka pass sinifikanti fl-iżvilupp tagħha”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.