Id-dormitorju u l-faċilitajiet anċillari tal-kumpless sportiv f’Ħal Qormi ser ikunu rinovati b’mod estensiv b’finanzjament mill-Housing Development Fund.
Dan b’hekk ser ikun it-tieni proġett mis-seba’ proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana u investiment fil-komunità minn dan il-fond u ser jara l-allokazzjoni ta’ tletin elf ewro biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa.
Il-faċilitajiet li jintużaw f’bosta attivitajiet bħal ‘training camps’ ser ikomplu jgħinu sabiex il-Qormi Football Nursery tkun tista’ tkompli toffri servizz ta’ kwalità.
Dan il-proġett tnieda mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li nnota kif permezz ta’ dan il-proġett ser ikun qed jgħin biex it-tfal u ż-żgħażagħ jkomplu jitħarrġu u jitgħallmu dixxiplini sportivi bħal futbol filwaqt li jkompli jikbru fil-karattru bħala atleti żgħar.
Il-Ministru Galdes żied jgħid kif il-proġett jgħaqqad mal-ħsieb wara l-istess fond dak li joħloq komunitajiet aħjar.
Iċ-Chairperson tal-fond, Charmaine Mangion stqarret kif investiment ta’ dan it-tip huwa kruċjali hekk kif joffri qafas lis-soċjetà u jsostni l-benesseri, l-opportunitajiet, it-talenti u kif ukoll joħolqu ambjent aħjar fil-lokalitajiet.