Ġiet imnedija attività innovattiva għal pajjiżna relatat mall-motorsports. ‘Wheels & Thrills’ se tiġi organizzata bil-għan li tkun serata għal dawk id-dilettanti kollha tal-isports tal-karozzi, kif ukoll għall-familja kollha.
Din l-attività, li se tittella’ nhar il-Ħadd 6 t’Ottubru, fil-kumpless tal-Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi f’Ta’ Qali, se tiġbor fiha għadd ta’ dilettanti tal-karozzi u muturi f’pajjiżna biex isegwu dak li jħobbu. Imma mhux biss.
Tkellimna ma’ Paul Deguara, membru fil-Kumitat tal-ASMK u anki wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attività.
Qal, “Barra il-main two attractions li se jkunu l-gravity bil-flying suits, fejn se jkun qed itir fuq il-parti tal-ASMK, kif ukoll il-monster truck, li ġej jagħmel xow tal-monster jams li hija xi ħaġa spettakolari għaż-żgħar, kif ukoll se nagħmlu xow mit-talent lokali, fejn se nkunu qed nagħmlu korjografija biex inkunu qed nolqtu wkoll lill-persuni dedikati fuq il-motorsport Maltin u għandhom professjoni tal-motorsport ukoll.”
Din l-attività se ssir għal għan nobbli, hekk kif se jinġabru l-flus għal Special Olympics Malta.
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-attività kien hemm mart il-Prim Ministru u President tas-Special Olympics, Dr Lydia Abela, li semmiet kif din l-attività se tagħti sostenn lill-atleti Maltin.
B’dawn se jkun impenjati waqt il-logħob nazzjonali ta’ Special Olympics Malta, li se jsiru x-xahar id-dieħel.
Qalet, “Hija attività li se tkun iddedikata ukoll għall-familji fejn fiha jistgħu jieħdu gost anke t-tfal flimkien mall-familja tagħhom. Il-flus li se jinġabru minn din l-attività se jmorru b’risq l-iSpecial Olympics Malta, li bihom se jibbenifikaw numru ta’ atleti Maltin fi ħdan Special Olympics. Inħares ’l quddiem u nħeġġeġ lill-pubbliku biex nhar is-6 t’Ottubru jingħaqad magħna għal din l-attività sabiħa – Wheels & Thrills.”