Il-Ħamis filgħodu l-Gvern nieda t-tieni strateġija kontra l-vjolenza domestika. F’konferenza tal-aħbarijiet fis-Siġġiewi, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis tenna li ma jistax ikollna soċjetà b’saħħitha jekk din il-pjaga soċjali tibqa’ tgħolli rasha.
Huwa kompla jispjega li dwar dan is-suġġett hemm bżonn aktar kampanji edukattivi immirati fuq kull livell.
Qal, “Din l-istrateġija toffri qafas wara l-ewwel strateġija, it-tieni strateġija toffri qafas fejn se ninvestu biex nagħmlu dak li ngħid jiena sniper approach. Nolqtu u ninvestu bilgħaqal. M’hemmx dubju li l-akbar focus se jkun l-edukazzjoni biex ngħallmu kull saff tas-soċjetà li dan mhux aġir aċċettabbli.”
Dr Zammit Lewis fakkar ukoll fl-investiment li diġà sar fil-Qrati biex il-vittmi ma jixhdux fl-awla fejn ikun hemm preżenti l-allegat aggressur. Sa xahrejn oħra l-awli kollha se jsiru ukoll diġitalizzati sabiex jippermettu xhieda b’mod virtwali.
Dr Lydia Abela spjegat li dan huwa suġġett kumpless iżda ġaladarba il-vittma tersaq ‘l quddiem għandha ssib l-għajnuna kollha disponibbli.
Spjegat, “Tkellimt dwar żewġ kelmiet li huma importanti fl-opinjoni tiegħi; l-imħabba u l-kompassjoni għalliex nemmen li mal-mument li persuna tfittex l-għajnuna għaliex tkun vittma ta’ vjolenza domestika fil-proċess kollu importanti li dik il-persuna nitrattawha b’imħabba u kompassjoni”
Il-Kummissarju kontra l-vjolenza domestika Audrey Friggieri spjegat li dan is-suġġett huwa pjaga hekk kif din tiġri wara bibien magħluqa u fis-skiet.
Qalet, “Din l-istrateġija se tkompli fuq ta’ qabilha ħa nkomplu nsaħħu x-xogħol kbir li diġa sar u jiġifieri tixrid ta’ għarfien, xogħol mal-Pulizija, l-Qrati u kif ukoll il-ħaddiema tas-saħħa.”