Tnediet it-tieni edizzjoni tan-National STEM Awards: avveniment li l-għan warajh hu li jiġu rikonoxxuti, permezz ta’ premjijiet, numru ta’ persuni li jaħdmu fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, magħrufa bħala STEM.
Din l-inizjattiva tgħaqqad lil bosta entitajiet u professjonisti li jadħmu fil-qasam tal-edukazzjoni STEM. L-Awards huma responsabbiltà tan-National STEM Engagement Working Group, immexxi mill-Esplora għan-nom tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST.
Iċ-Chairman ta’ MCST, Dr Tonio Portughese, spjega li dawn il-premjijiet huma maqsuma fi tmien kategoriji u wieħed jista’ jinnomina persuna skont il-kategorija.
Spjega kif inizjattivi bħal dawn joħolqu aktar għarfien dwar karrieri f’dawn l-oqsma u kif fl-istess waqt professjonisti f’dawn is-setturi jiġu rikonoxxuti għall-ħidma tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li inizjattivi bħal dawn iħeġġu aktar żgħażagħ jimirħu f’oqsma bħal dawn biex b’hekk isibu karriera, fost oħrajn fix-xjenza u t-teknoloġija.
Qal, “Il-Gvern jaħdem ħafna, jaħdem qatigħ, biex jattira diversi investimenti. Aħna hawn qed naħdmu jiġi attirat l-investiment u jinħoloq ix-xogħol, imma qed nippreparaw lill-istudenti biex jidħlu f’oqsma bħal dawn għax nafu li t-talba f’din l-industrija hi waħda kbira.”
In-nominazzjonijiet jgħalqu fid-disa’ għoxrin ta’ Ġunju.