Tnediet it-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni Fishing for Recipes fejn l-għan tal-kompetizzjoni hu li jiġu ppremjati riċetti innovattivi, magħmula minn studenti ta’ bejn id-9 u l-15-il sena, li jagħmlu użu mill-ħut lokali fir-riċetti tagħhom.
Din l-inizjattiva għandha l-għan ukoll li tippromwovi t-tisjir kreattiv tal-ħut tipiku Malti, u l-konsum sostenibbli fost il-familji Maltin u Għawdxin.
Għal din il-kompetizzjoni, se jkun hemm ġurija biex tagħżel 10 finalisti li se jitħabbru permezz ta’ paġna maħluqa apposta fuq il-midja soċjali fejn fuq l-istess paġna, se jkun hemm ir-ritratti tar-riċetti kif ukoll l-ingredjenti użati.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif l-10 finalisti se jingħataw l-opportunità unika biex jesebixxu r-riċetta tagħhom.
“L-10 finalisti illi se jintgħażlu f’din il-kompetizzjoni se jkunu mistiedna propju biex jiġu jagħmlu ir-riċetta tagħhom ġewwa l-AgriFair fit-13 t’April fejn hemm ikollhom l-opportunità wkoll jitkellmu ma’ chefs nazzjonali illi ħa jkunu qegħdin preżenti waqt din is-serata”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq kif inizjattivi bħal dawn iżommu t-tradizzjoni lokali ħajja fost it-tfal u l-istudenti tagħna.
“Bħala pajjiż irridu nassiguraw li nżommu ħajjin it-tradizzjonijiet tagħna, il-kultura tagħna, u ngħinu lit-tfal jitgħallmu dik li hija l-identità Maltija; u allura permezz ta’ dawn il-programmi qegħdin propju nassiguraw illi nagħtu dan l-għarfien lit-tfal Maltin u Għawdxin illi jattendu fl-iskejjel tagħna sabiex nassiguraw propju illi dawn ikunu qegħdin jilħqu dik li hija l-edukazzjoni sħiħa tagħhom u anke l-iżvilupp sħiħ tagħhom”
Il-kompetizzjoni Fishing for Recipes se tiftaħ fil-11 ta’ Marzu 2024 u kull min hu interessat għandu jimla’ l-applikazzjoni bid-dettalji mitluba u jibgħatha fuq fishingforrecipes.mafa@gov.mt sa nhar il-Ġimgħa 5 ta’ April 2024.