Bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Settembru u Novembru, il-Fondazzjoni Classique, permezz tal-Festival MUSIC+ ser tkun qed itella programm vast ta’ attivitajiet mużikali u edukattivi f’Għawdex.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival mużikali, li ser jinkludi recitals min artisti internazzjonali u anke lokali, master classes, workshops, taħditiet u opra mit-tfal għat-tfal, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru qed ikompli juri fiduċja fit-talent lokali u s-settur kulturali Għawdxi.
“Il-viżjoni u l mira tagħna hi li Għawdex ikun il-vetrina kulturali ta’ pajjiżna u b’hekk nassiguraw li Għawdex isir l-għażla naturali ta’ avvenimenti kuturali ta’ kwalità għolja” qalet l-Onor. Caruana. Hi qalet li permezz tal-għajnuna li qed jagħti l-Ministeru għal Għawdex, ser nagħtu l-ħajja lill-Opera lirika li kien ikkompona l-kompożitur Għawdxi Joseph Vella, li hi opera b’differenza imtella’ mit-tfal għat tfal. Dan il-festival, ser jifforma parti integrali mill-programm li ser iniedi l-Ministeru għal Għawdex biex ikompli isaħħaħ l-esperjenza tal-opra f’Għawdex saħqet il-Ministru Caruana.
Is-Sur Joseph Debrincat, Chairman tal-Fondazzjoni Classique irringrazja lill-Ministru għal Għawdex tas-sotenn finanzjarju biex il-fondazzjoni torganizza t-tieni edizzjoni ta’ MUSIC+. Is-Sur Debrincat awgura li bil-programm dettaljat u bil-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aqwa talent internazzjonali, żgur li ser jissodisfa lill dawk kollha li ser jattendu. Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Classique kkonkluda billi qal li l-attività ewlenja ser tkun l-Opra Bo-Peep li ser isir il-Ħamis, 31 ta’ Ottubru f’Teatru Giovanni fix-Xewkija. Din l-opra hi adattata kemm għall-kbar u b’mod partikolari anke għat-tfal minn 9 snin ‘il fuq.