Wara li s-sena l-oħra ġie organizzat l-ewwel edizzjoni tal-festival MUSIC+, din is-sena l-Fondazzjoni Classique se tippreżenta t-tieni edizzjoni li se ssir bejn is-27 ta’ Settembru u l-1 ta’ Novembru 2019. Simili għall-edizzjoni tas-sena l-oħra, it-tieni edizzjoni se tikkonsisti minn numru ta’ recitals minn artisti lokali u internazzjonali, masterclasses fi strumenti differenti, workshops għal studenti tal-primarja, kif ukoll taħdidiet. Iżda din is-sena kburin li se nippreżentaw opra minn tfal għal tfal.
KUNĊERTI
MUSIC+ jibda fis-27 ta’ Settembru b’recital minn Anastasiya Petryshak (vjolin) u Lorenzo Meo (pjanu) mill-Ukrajna u l-Italja rispettivament. Iż-żewġ artisti huma magħrufa ħafna internazzjonalment u taw diversi kunċerti madwar l-Ewropa. Dan huwa segwit minn numru ta’recitals oħra interessanti. Fit-28 ta’ Settembru 2018 ser ikollna lis-sopran Taljana Rossana Potenza li ser tagħti kunċert flimkien mal-pjanista Leonardo Quadrini. Potenza hadet sehem f’diversi prestazzjonijiet operistiċi u ħadmet ma’ kantanti kbar bħal Domingo, Carreras u Mirella Freni. Ħadmet ukoll ma’ surmastrijiet celebri bħal Lorin Maazel u Gustav Kuhn fost l-oħrajn. Fid-29 ta’ Settembru ċ-ċellist Ungeriż Akos Kertesz u l-pjanista Rita Kertesz se ikun il-protagonisti f’recital ieħor. Fit-13 ta’ Ottubru recital ieħor din id-darba minn Brendan Ball, trumpeter mal-Malta Philharmonic, u l-pjanista Elaine Mercieca. F’dan ir-recital Ball u Mercieca se jagħtu l-premiere dinji ta’ Deconstructed Images ta’ Alan Cassar. Il-pjanista Maltija Joanne Camilleri ser tagħti recital fid-19 ta’ Ottubru, filwaqt li fl-20 ta’ Ottubru ser ikollna recital mill-klarinettist ta’ fama mondjali Corrado Giuffredi u l-pjanista tiegħu Roberto Arosio. Giuffredi huwa wieħed mill-aktar klarinettisti ċelebri fid-dinja u jidher fl-iktar postijiet prestiġjużi madwar id-dinja. Huwa artist ta’ Backun u Legere. Il-pjanista żagħżugħa Għawdxija Daphne Delicata ser tagħmel recital fis-27 ta ‘Ottubru. Dawn ir-recitals kollha se jsiru fis-Sala tal-Wirjiet, Ministeru għal Għawdex u jibdew fis-7.30pm. L-aħħar recital f’din is-serje se ssir fl-1 ta’ Novembru fil-Knisja ta’ San Franġisk, ir-Rabat. Dan ser jiġi mtella’ mill-kwartett tal-korda Quartetto Mediterraneo mill-Italja. Fost xogħlijiet oħra, il-programm jinkludi xogħol bikri ta’Joseph Vella, Piccolo Divertimenti, Op.2. Il-kunċert jibda fis-7.30pm.
EDUKAZZJONI: Master classes & Workshops
Minbarra dawn ir-recitals, għal darb’oħra, MUSIC+ se jippreżenta numru ta’ masterclasses. Fit-28 ta’ Settembru Anastasiya Petryshak u Lorenzo Meo se jagħtu masterclasses fil-vjolin (fis-Seminarju tal-Qalb ta Ġesu’), u l-pjanu (fis-Sala tal-Wirjiet, Ministeru għal Għawdex) rispettivament. Fid-19 ta’Ottubru, il-klarinettist Corrado Giuffredi ser jagħti masterclass fil-klarinett fl-Iskola Gozo VPA, ix-Xewkija. Il-masterclasses jibdew fid-9am. Huwa ferm ta’ sodisfazzjon li t-tliet master classes huma kollha mimlija u għalihom ser jipparteċipaw stundeti kemm minn Għawdex kif ukoll minn Malta.
Bħala parti mill-festival MUSIC+ ser isiru wkoll żewġ workshops maħsuba għal tfal ta’ l-iskejjel primarji, fis-serje Opera 4 Kids. Il-workshops ta’din is-sena, intitolati The Magic Flute: A Performance Workshop for Kids se jsiru fit-2 ta’ Ottubru fis-Sala tal-Wirjiet, Ministeru għal Għawdex. Iż-żewġ workshops se jitmexxew mis-Sinjura Lorraine Aquilina. Is-soprano Francesca Aquilina, it-tenur Charles Vincenti, l-baritonu Louis A. Cassar u l-pjanista Tom Armitage se janimaw is-sessjonijiet. It-tfal kollha li jattendu għal dan il-workshop se jiġu ppreżentati b’ktejjeb bil-kulur dwar din l-opra ta’ Mozart, liema ktejjeb ġie imħejji għal-okkażjoni mid-direttur artistiku tal-festival Joseph Debrincat.
TAĦDIDIET
Fl-4 ta’ Ottubru fis-7.30pm ġewwa ċ-Circolo Gozitano, Dr Abraham Borg se jagħti taħdita bit-titlu From Il Trovatore to La Boheme. Dan it-taħdita se tingħata bl-Ingliż.
OPRA
Din is-sena, il-Fondazzjoni Classique hija kburija li se tippreżenta opra minn tfal għal tfal (għalkemm ta’ kull età!). BO-PEEP hija opra komposta fl-1968 mill-mibki kompożitur Għawdxi Joseph Vella (1942-2018). Din il-produzzjoni se tinkludi erba’ solisti żgħażagħ, id-Dipartiment taż-Żfin tal-VPA (koreografa: Christabel Bajada), flimkien mal-SCJ Children’s Choir (tmexxija: Marouska Attard). Id-direzzjoni artistika se tkun f’idejn Gordon John Grech filwaqt li Joseph Debrincat imexxi l-Ensemble Classique (magħmul minn mużiċisti lokali u internazzjonali). Ix-xenografija hi fdata f’idejn Denis Mompalao. Din l-opra nnifisha se tkun antiċipata bi spjegazzjoni ta’ madwar 30 minuta mill-atturi Marion Scarborough u George Camilleri. L-avveniment kollu jieħu siegħa. Ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru fil-31 ta’Ottubru fit-Teatru Giovanni, ix-Xewkija: waħda fl-10am għat-tfal mill-Kulleġġ ta’ Għawdex u l-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex; u oħra fis-7:30pm miftuħ għall-pubbliku in ġenerali. Dħul b’xejn. L-opra hija adatta għal kulħadd b’mod partikolari tfal il-fuq minn 9 snin.
Joseph Debrincat huwa d-Direttur Artistiku tal-MUSIC+
L-entratura għall-avvenimenti kollha hija bla ħlas.
MUSIC+ huwa principarjament sostnut mill-Ministeru għal Ghawdex u Visitgozo. Entitajiet oħra bħal Nivea, Backun Musical Services, Legere Reeds, Ministeru tat-Turiżmu, Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, Visit Malta, Malta Arts Council, il-Kulleġġ Mikiel A. Vassalli Co, Gozo VPA School, ARMS, Aldox u Playpen Stationary huma lkoll strumentali sabiex dan il-festival ikun possibli.
Għall-iktar dettalji tistgħu tikkuntattjaw: musicplusgozo@gmail.com.Tistgħu wkoll iċċemplu: 7970 3288 / 9900 6762 / 9948 7341.