Bejn il-11 u t-28 ta’ Jannar li ġej se tittella’ t-12-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fit-Teatru Manoel, fejn intqal li se jkun hemm aktar minn 30 kunċert mifruxin fuq tliet ġimgħat, li qed isiru f’aktar minn 15-il post differenti madwar Malta.
Id-Direttur Artistiku tal-festival, Kenneth Zammit Tabona, qal li sa mill-bidu tiegħu, dan il-festival gawda minn reputazzjoni internazzjonali qawwija u stabbilixxa ruħu fost l-aqwa għaxra tax-xorta tiegħu fl-Ewropa.
Iċ-Chairperson ta’ Festvals Malta Aaron Zahra rrimarka li dan il-festival hu meqjus bħala attrazzjoni għat-turiżmu kulturali.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici, li stqarr li din l-edizzjoni se tkun waħda speċjali b’formazzjoni eċċezzjonali u wirjiet dinamiċi.
Il-Valletta Baroque Festival qed jiġi organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel u Visit Malta.