Pajjiżna issa għandu dokument ta’ Strateġija tal-Politika Barranija tagħha b’politika ġdida maħsuba biex taqdi lin-nazzjon u liċ-ċittadini tiegħu, ikunu fejn ikunu. F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie mniedi d-dokument ġdid wara konsultazzjoni pubblika intqal kif din il-politika barranija hija maħsuba li tiżgura relazzjonijiet bilaterali u multilaterali ta’ benefiċċju u paċifiċi mal-ġirien ta’ pajjiżna fl-Ewropa, fil-Mediterran u fl-Afrika.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li l-politika barranija ta’ Malta għandha tippromovi l-valuri, it-twemmin u l-identità ta’ pajjiżna, filwaqt li taqdi l-interessi tal-pajjiż u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Bartolo tenna, “Nistgħu noqogħdu attenti ħafna biex dak li jiġri fil-bqija tad-dinja ma jolqotniex ħażin, allura dak huwa l-ewwel għan tagħna li bir-relazzjoni li nibnu ma’ pajjiżi oħra nieħdu ħsieb it-titjib tal-għixien tal-poplu tagħna u li ngħixu kemm jista’ jkun fil-paċi u f’koperazzjoni mal-pajjiżi oħra madwar id-dinja.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Christopher Cutajar stqarr kif din il-politika hija imsejsa fuq tliet pilastri prinċipali.
Dawn il-pilastri huma l-għixien bi kwalità ta’ ħajja tajba għaċ-ċittadini, il-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż u s-sehem attiv ta’ pajjiżna ma’ kontinenti oħrajn.
Huwa spjega kif sabiex din il-politika tindirizza bl-aħjar mod l-aspettattivi tal-Maltin mill-Politika Barranija u Ewropea ta’ pajjiżna, sar stħarriġ mill-Istatistiku Vincent Marmarà.
Cutajar stqarr, “Tinduna li ċertu prinċipji fil-politika tagħna cioe, l-prinċipju tan-newtralità, l-prinċipju li rridu nkunu attivi għall-paċi fil-Mediterran u anke fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda. Dawk huma ferm apprezzati mill-pubbliku tagħna.”
L-istatistiku Dr. Vincent Marmarà spjega kif fost l-oħrajn l-istħarriġ li sar ma’ tminn mitt parteċipant juri kif il-maġġoranza tan-nies jemmnu li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej għandu rwol importanti biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Dan filwaqt li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin ukoll tagħti importanza kbira lin-newtralità ta’ pajjiżna.
Huwa ppjanat li l-miri tal-istrateġija jintlaħqu sas-sena d-dieħla sabiex din titwettaq b’mod immedjat.