Il-Gvern flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ħabbru strateġija nazzjonali għall-ambjent u li se tkun qed tinfetaħ għall-konsultazzjoni pubblika.
Din l-istrateġija, li se toħodna sal-2050 hija msejsa fuq 8 għanijiet strateġiċi prinċipali.
Dawn jinkludu fost oħrajn l-arja nadifa, ibliet u rħula ta’ kwalità, il-biodiversità, ir-rimi tal-iskart, ir-riżorsi li toffri l-art u anke tal-ilma u l-ibħra ta’ madwarna.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca stqarr li din l-istrateġija se tagħti direzzjoni għal fejn se jkun qed imur il-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Hawn Mercieca stqarr l-bżonn ta’ impenn kollettiv kemm mill-entitajiet kollha konċernati u anke mill-pubbliku biex jintlaħqu l-miri ta’ din il-viżjoni.
Fl-indirizz tagħha l-Ministru għall-Enerġija u l-Ambjent, Miriam Dalli tenniet l-importanza li din l-istrateġija nfetħet għall-konsultazzjoni pubblika sabiex kulħadd jagħti s-suġġerimenti tiegħu.
Sostniet ukoll kif il-Gvern Malti ma stenniex din l-istrateġija sabiex jibda jaħdem favur ambjent aħjar f’pajjiżna. Hija hawn elenkat ħidma twila fl-aħħar snin li ħalliet riżultati pożittivi.
Din tinkludi l-għeluq ta’ powerstation li tniġġeż, il-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u li ħa tkun qed tidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin u anke skemi ta’ investiment favur enerġija aktar nadifa kemm għall-familji u anke għan-negozji f’pajjiżna, fost ħadna iktar.
Hija temmet tgħid li din l-istrateġija teħtieġ l-impenn minn kulħadd favur kwalità ta’ ħajja aħjar fil-futur b’pajjiż aktar sostenibbli.
Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa għal numru ta’ diversi ġimgħat sabiex wara din titressaq fil-Parlament fejn hemmhekk tiġi diskussa.
Isegwi dan hija t-tnedija ta’ pjan ta’ azzjoni aktar dettaljat sal-2030 sabiex jibdew jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-istrateġija.