Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej nieda l-Istrateġija tal-Politika Barranija ta’ pajjiżna.
Din tnediet mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet, hekk kif nieda dan id-dokument għal proċess ta’ konsultazzjoni.
Din l-istrateġija hija bbażata fuq l-interessi u l-prinċipji ta’ pajjiżna, bħan-newtralità, is-saltna tad-dritt u s-sostenibbiltà. Dawn il-prinċipji huma msejsa skont il-Kostituzzjoni Maltija.
Il-Ministru Evarist Bartolo qal kif l-għan prinċipali ta’ din l-istrateġija huwa li l-politika barranija ta’ pajjiżna sservi l-interessi tal-Maltin, waqt li tippromovi t-twemmin, il-kultura u l-identità tagħna.
Dan id-dokument huwa msejjes fuq tliet miri strateġiċi, li huma l-prosperità, il-promozzjoni tal-paċi u sigurtà u djalogu.
Qal, “Aħna pajjiż li nbiegħu kollox barra, kull ma noffru jixtruh il-barranin, jekk irridu t-turisti jridu jiġu minn barra, jekk irridu nesportaw il-prodotti tagħna jridu jixtruhom nies ta’ pajjiżi oħra, jekk irridu nixtru l-ikel irridu nġibuh minn barra, il-ħwejjeġ tagħna, nimportaw kollox. Allura r-relazzjoni tagħna mal-bqija tad-dinja hija xi ħaġa marbuta mal-ħajja tagħna ta’ kuljum.”