Ġiet imnedija l-istrateġija għall-Kapaċità Finanzjarja għall-2022 sal-2025, fejn il-Gvern se jkompli jgħarraf lill-pubbliku dwar l-importanza tal-litteriżmu finanzjarju.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali, Mark Musù spjega li l-inizjattiva Ġemma hija storja ta’ suċċess, hekk kif din qed tkabbar l-għarfien tagħha u tgħallem lill-Maltin jagħmlu deċiżjonijiet finanzjarji sostenibbli.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal kif il-flus huma parti essenzjali fil-ħajja ta’ kulħadd, u għalhekk l-ippjanar tal-finanzi huwa aktar essenzjali.
Stqarr li r-realtà f’pajjiżna hija li kwart tal-popolazzjoni għandha ħamsa u sittin sena jew iktar, u din toħloq sfida fuq il-finanzi tal-pajjiż.
“Il-proċess ta’ Ġemma huwa xi ħaġa fejn irridu nqajmu għarfien u nsaħħu l-kapaċità tan-nies fis-soċjetà tagħna ta’ kif jieħdu ħsieb il-flus. Kulħadd għandu mezzi limitati imma x-xewqat huma ikbar, allura jidħol ħafna l-għaqal li wieħed jipprijoritizza. Jiġifieri fuq kollox, issib li hemm rabta, biex ngħid hekk b’saħħitha bejn issues soċjali u l-kapaċitajiet finanzjarji u anke viċi versa.”
Intant, il-Kap tal-Inizjattiva Ġemma stqarret li Ġemma qed timmira sabiex teduka persuni ta’ kull età.
Spjegat li Ġemma qed tuża kull għodda li għandha disponibbli, fosthom anke l-intelliġenza artifiċjali.
“Aħna mad-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, qed inniedu dawn il-kompetizzjonijiet fejn studenti joħorġu b’dawn il-kunċetti, jieħdu premju għall-aħjar ideat, u jkollhom l-opportunità biex tiġi ffinanzjata wkoll, l-idea tagħhom biex issir app.”