Tnieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Pjan Strateġiku Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, immirat għall-perjodu ta’ tmien snin mill-2022 sal-2030.
Din l-istrateġija hija l-viżjoni tal-Awtorità għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla għat-tkomplija tat-tiġdid tas-settur edukattiv.
Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem biex jipprovdi aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, għax irid jiżgura u jsostni komunità edukattiva b’saħħitha u ta’ kwalità għolja biex jinkiseb żvilupp kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak globali. Din l-istrateġija tpoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru u tiffoka fuq sistema robusta ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u trasparenza.
Waqt it-tnedija tad-dokument, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li rridu naraw li nibqgħu nagħtu r-riżorsi lill-awtorità li permezz tagħha nassiguraw li nattiraw dejjem aktar istituzzjonijiet edukattivi lejn pajjiżna.
Qal, “Irridu naraw li nibqgħu nagħtu r-riżorsi, nibqgħu nagħtu l-għodda lil din l-awtorità li permezz tagħha nassiguraw li dejjem qed naraw aktar istituzzjonijiet edukattivi lejn pajjiżna fejn pajjiżna jkun magħruf għal edukazzjoni ta’ kwalità li tassigura li s-sistema edukattiva ġo pajjiżna tkun waħda ta’ livell għoli u waħda li tirrifletti dak li huma l-iżvilluppi fuq livell mondjali.”
Min naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, Rose Anne Cuschieri, qalet li din hija strateġija li taħdem lejn ekosistema ta’ għarfien dinamiku u reżiljenti sal-2030 – strateġijaibbażata fuq edukazzjoni avvanzata, li tispira lill-individwi biex jiżviluppaw ħiliet relevanti li bħala membri attivi tal-komunità u bħala ċittadini jippermettulhom jikkontribwixxu lejn ekonomija ġusta, diġitali, u ekoloġika.