Fix-xahar iddedikat għar-rikonoxximent tal-kundizzjoni tad-dimensja, tnedew numru ta’ standards li għandhom jirregolaw is-servizzi residenzjali li jingħataw lil persuni bid-dimensja fid-djar tal-anzjani.
Dawn l-istandards jistabilixxu l-livell mistenni tas-servizz li għandu jingħata lil dawn l-anzjani u jiżguraw li persuni bid-dimensja jirċievu l-aqwa kura possibbli.
L-għan ewlieni ta’ dawn l-istandards huwa li jiżguraw li persuni bid-dimensja jkollhom l-istess dritt għal kura ta’ kwalità bħar-residenti li m’għandhomx dimensja u dritt għal salvagwardji addizzjonali minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom.
Fost dawn l-istandards hemm dak li dawn il-persuni jkollhom lil xi ħadd maħtur legalment biex jirrappreżentahom u jieħu d-deċiżjonijiet f’isimhom jekk ma jkunux jistgħu jagħmlu dan.
Standards oħra jiffukaw fuq is-saħħa personali u l-kura medika ta’ dawn ir-residenti.
Fl-istess waqt, hemm gwida dwar l-ambjent fiżiku fid-dar u l-immaniġjar tal-kwalità.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia qal li bħalissa f’pajjiżna, hawn madwar sebat elef persuna li tbati bid-dimensja fuq livelli differenti. Għal kull persuna, jkun hemm mat-tlieta jew erba’ persuni oħra li b’xi mod jew ieħor, jieħdu ħsiebhom, u jispiċċaw huma wkoll affettwati psikoloġikament. Sfortunatament, minħabba l-popolazzjoni anzjani ta’ pajjiżna, dan in-numru mistenni saħansitra jiżdied.
Il-Ministru Farrugia saħaq fuq l-importanza tat-taħriġ li jingħata lill-persuni li jaħdmu ma’ dawn in-nies biex ikunu jafu kif għandhom jaġixxu f’ċertu sitwazzjonijiet.
Qal ukoll li parti ċentrali mill-istandards hija ffukata fuq l-istandards li jirrigwardjaw is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn il-persuni.
L-għan ewlieni huwa li jipprovdu inizjattivi u soluzzjonijiet biex persuni bid-dimensja jibqgħu fil-komunità kemm jista’ jkun.