Għal darb’oħra, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, nieda skema ta’ għajnuna finanzjarja għall-kumpaniji u għaqdiet li jibnu l-karrijiet jew maskri grotteski, bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-Karnival f’Għawdex bħala attività kulturali li tiġbed udjenza minn Għawdex, minn Malta u minn barra minn xtutna.
Kull applikant fl-iskema, li se ddum miftuħa għal xahar, jista’ jingħata għotja sa massimu ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro (€25,000) fis-sena jekk jibni l-karrijiet u sa massimu ta’ għaxart elef ewro (€10,000) fis-sena jekk jibni l-maskri grotteski, li fiż-żewġ każi jkunu jkopru l-kera tal-fond.
Il-Ministru stqarr kif, permezz ta’ din l-iskema, qed inkomplu nassistu biex it-tradizzjonijiet u l-kultura f’pajjiżna jibqgħu ħajjin.
“L-għan ta’ dan kollu hu biex proprju dawn l-istess għaqdiet nagħtuhom aktar sapport, aktar kuraġġ u aktar minn hekk ukoll premises li jkunu jistgħu jikruh, anke permezz ta’ din l-għajnuna ħalli jkunu proprju jistgħu jibdew joperaw, isaħħu l-operazzjoni tagħhom u aktar minn hekk ukoll jibqgħu jagħtu l-ispettaklu tant mistenni tul il-ħamest ijiem tal-Karnival.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Wieħed jista’ japplika għal dawn il-fondi fuq is-sit elettroniku gozo.gov.mt jew inkella bl-idejn fl-uffiċċju prinċipali tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali, fir-Rabat, Għawdex.