Il-Gvern, l-Università ta’ Malta u l-Kamra tal-Kummerċ niedew skema ta’ fondi għar-riċerka ta’ studenti fil-Post-Dottorat li se ssaħħaħ u tinċentiva r-riċerka fl-Università f’kollaborazzjoni ma’ operaturi ekonomiċi differenti.
Din l-iskema tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u s-settur privat għat-tixrid tal-għarfien, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet akbar ta’ riċerka għall-istudenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f’pajjiżna stess.
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici spjega kif dan kien pass importanti għal ekosistema robusta ta’ riċerka u innovazzjoni f’pajjiżna li hi t-triq ’il quddiem għall-ġid tal-poplu kollu.
Qal, “Waħda mill-affarijiet li tgħalbuna kemm in-negozjanti, kemm il-kummerċjanti ta’ pajjiżna ukoll l-akkademiċi, hija li jkun hemm skema apposta li tinċentiva riċerkaturi ta’ eċċellenza fil-livell ta’ post-doc li jagħmlu proġetti flimkien mad-dinja tal-kummerċ biex b’hekk joħolqu soluzzjonijiet illi jekk joħolqu ġid ġdid u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol f’pajjiżna. U allura illum qed inniedu din l-iskema ta’ nofs miljun ewro illi biha qed iġġib flimkien il-qasam tan-negozju, il-qasam akkademiku u kif ukoll il-Ministeru.”
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jinfetħu fl-ewwel ta’ April.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb spjegat kif wara li ġiet imnedija din l-iskema, ir-riċerkaturi u l-industriji se jiddjalogaw flimkien.
Qalet, ”Eħe aħna għandna ħafna membri tagħna li joperaw fl-industrija, se ninfurmawom b’din l-iskema u anka nipprovaw norganizzaw xi attivitajiet flimkien mal-universita biex ikun jista jsir skambju ta’ ideat. Naħsbu li din l-inizjattiva tista’ tikkontribwixxi biex dak il-0.6 % li għandna nefqa, 0.6 % tal-gdp f’dak li hu riċerka bil-mod il-mod tibda tielagħal target ta’ 3% li naħsbu li l-pajjiż għandu bżonn biex l-industrija tagħna tibqa’ dejjem tirrinova ruħha.”
Il-Pro-Rettur għar-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien tal-Università ta’ Malta il-Professur Simon Fabri tenna li proġett bħal dan ta opportunitajiet ġodda għal dawk l-istudenti li riedu jkomplu l-istudju tagħhom.
Qal, “Sewwa din hija opportunità tajba ħafna għar-riċerkaturi li diġa għandhom il-phd tagħhom id-dottorat tagħhom, sabiex jipparteċipaw flimkien mal-operaturi ekonomiċi kif ukoll mal-Università ta’ Malta f’proġetti li huma avvanzati b’hekk il-karriera ta’ riċerkaturi tagħhom tkompli tikber.”